Navigation Path: Home > The European Central Bank > Materjal edukattiv > FATTI Preżentazzjoni > Integrazzjoni Ewropea > Slide 1
L-INTEGRAZZJONI EWROPEA

L-Unjoni Ewropea (UE) kif nafuha llum bdiet fl-1952 bħala l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). Il-membri fundaturi kienu l-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda. L-idea kienet li dawn ir-riżorsi - il-faħam u l-azzar - li kienu vitali għall-gwerer dinjin, jiġu rtirati mis-sovranità nazzjonali biex tinżamm paċi dewwiema.
Imħeġġa b’dan is-suċċess, l-istess sitt pajjiżi malajr iddeċidew li jintegraw setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom bħall-biedja, biex iwarrbu x-xkiel għall-kummerċ u jiffurmaw suq komuni. Fl-1958, dawn is-sitt pajjiżi stabbilew il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom). Fl-1967 l-istituzzjonijiet ta’ dawn it-tliet Komunitajiet ġew amalgamati. Tul iż-żmien, pajjiżi Ewropej oħra ngħaqdu ma' dawk magħrufa dak iż-żmien bħala l-Komunitajiet Ewropej (KE) - jew, mit-Trattat ta' Maastricht (1993) 'l hawn, l-Unjoni Ewropea - f'diversi okkazjonijiet ta’ adeżjoni.
It-Trattat ta' Lisbona, li hu trattat li jemenda, iżjed milli trattat kostituzzjonali, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009. Jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Maastricht) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Ruma). Jistabbilixxi qafas istituzzjonali ġdid bil-ħsieb li l-Unjoni Ewropea tal-lum b'27 Stat Membru tkun iżjed demokratika, iżjed trasparenti u iżjed effiċjenti. Ifittex ukoll li jtejjeb il-koerenza u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE quddiem id-dinja.
F’dan il-kuntest, integrazzjoni tfisser li l-pajjiżi jieħdu deċiżjonijiet flimkien dwar ħafna kwistjonijiet – japprovaw “il-politika” – f’bosta oqsma, mill-biedja sal-kultura, mill-affarijiet tal-konsumatur sal-kompetizzjoni u mill-ambjent u l-enerġija sat-trasport u l-kummerċ.
Is-Suq Uniku kellu jiġi komplut formalment fl-aħħar tal-1992, iżda baqa' x’isir f’xi setturi – per eżempju, il-ħolqien ta’ suq verament uniku għas-servizzi finanzjarji.
Sors: www.europa.eu
Għal iżjed tagħrif dwar it-Trattat ta' Lisbona, ara http://europa.eu/trattat ta' Lisbona
EI.001 01/12
Bank Ċentrali Ewropew