Navigation Path: Home > The European Central Bank > Materjal edukattiv > FATTI Preżentazzjoni > Organizzazzjoni > Slide 9
L-ORGANIZZAZZJONI

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jafda lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) bid-dover li twettaq il-funzjoni ta’ bank ċentrali għall-Unjoni. Billi xi Stati Membri tal-UE ma jipparteċipawx fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, it-termini “SEBĊ” u “Unjoni” għandhom jiftiehmu bħala “Eurosistema” u “żona tal-euro”, rispettivament.
L-Eurosistema hi responsabbli għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja taż-żona tal-euro. Din hi funzjoni ta’ politika pubblika li tiġi implimentata prinċipalment permezz tal-operazzjonijiet tas-swieq finanzjarji. Fattur importanti f’dan id-dover hu l-kontroll sħiħ tal-Eurosistema fuq il-bażi monetarja. Bħala parti minn dan, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) huma l-uniċi istituzzjonijiet li huma intitolati biex attwalment joħorġu karti ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Minħabba d-dipendenza tas-sistema bankarja fuq il-bażi monetarja, l-Eurosistema hi b’hekk f’pożizzjoni ta’ influwenza dominanti fuq il-kondizzjonijiet tas-swieq tal-flus u fuq ir-rati tal-imgħax tas-swieq tal-flus.
L-operazzjonijiet tal-kambju barrani jinfluwenzaw ir-rati tal-kambju u l-kondizzjonijiet tal-likwidità domestika; it-tnejn huma fatturi varjabbli għall-politika monetarja. Għalhekk kienet ħaġa loġika li jiġi assenjat dan id-dover lill-Eurosistema, ukoll għaliex il-banek ċentrali għandhom il-faċilitajiet operazzjonali meħtieġa. It-tieni, jekk il-bank ċentrali jwettaq dan id-dover, jiżgura li l-operazzjonijiet tal-kambju barrani jibqgħu konsistenti mal-għanijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.
Is-sistemi tal-pagament huma mezz ta’ trasferiment ta’ flus bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk monetarji. Din il-funzjoni tqiegħdhom fiċ-ċentru tal-infrastruttura finanzjarja tal-ekonomija. L-assenjar tad-dover lill-Eurosistema biex tħeġġeġ it-tħaddim bla xkiel tagħhom hu rikonoxximent tal-importanza ta’ sistemi ta’ pagament sodi u effiċjenti – mhux biss għat-tmexxija tal-politika monetarja iżda wkoll għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u b’hekk, għall-ekonomija kollha.
Waħda mill-iżjed raġunijiet importanti għall-amministrazzjoni tal-portafoll tar-riżervi barranin hi li jiġi żgurat li l-BĊE jkollu biżżejjed likwidità biex iwettaq l-operazzjonijiet tiegħu ta’ kambju barrani. Bħalissa r-riżervi barranin tal-BĊE huma amministrati b’mod deċentralizzat mill-BĊN li jagħżlu li jieħdu sehem f’attivitajiet operazzjonali tal-amministrazzjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE. Dawn il-BĊN jaġixxu għan-nom tal-BĊE skond l-istruzzjonijiet li jirċievu mill-BĊE. Għalkemm il-BĊN jamministraw ir-riżervi barranin tagħhom b’mod indipendenti, meta l-operazzjonijiet tagħhom fis-swieq tal-kambju barrani jaqbżu ċertu limitu, jkunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-BĊE, biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-politika monetarja u tar-rati tal-kambju tal-Eurosistema.
OR.009 01/12
Bank Ċentrali Ewropew