L-aħħar aġġornament: 31 ta' Jannar 2013
12 / 19
L-organizzazzjoni
Id-dmirijiet tal-BĊE (1/2)
B’kuntrast mal-banek ċentrali nazzjonali, il-BĊE jwettaq ftit operazzjonijiet biss. Minflok, jiffoka fuq il-formulazzjoni tal-politika u jiżgura li d-deċiżjonijiet jiġu implimentati b’mod konsistenti mill-banek ċentrali nazzjonali.
B’mod partikolari, il-BĊE hu responsabbli għal
- Definizzjoni tal-politika tal-Eurosistema: il-Kunsill Governattiv tal-BĊE hu responsabbli mill-politika monetarja għall-munita unika, li tinkludi d-definizzjoni tal-istabbiltà tal-prezzijiet, kif jiġu analizzati r-riskji tal-inflazzjoni, eċċ.
- Deċiżjonijiet, koordinazzjoni u sorveljanza tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja: il-BĊE jagħti struzzjonijiet lill-banek ċentrali nazzjonali dwar id-dettalji tal-operazzjonijiet meħtieġa (il-valur, il-ħin, id-data, eċċ.) u jivverifika li jsiru sew.
- Adozzjoni ta’ atti legali: f'limiti definiti bid-dettalji, il-korpi deċiżjonali għandhom is-setgħa joħorġu atti legali li jorbtu fl-Eurosistema, bħalma huma Linji Gwida u Istruzzjonijiet, biex jiżguraw li l-operazzjonijiet deċentralizzati jsiru b’mod konsistenti mill-banek ċentrali nazzjonali. Barra dan, f'limiti definiti, jistgħu jadottaw Regolamenti u Deċiżjonijiet li jorbtu barra l-Eurosistema.
- Awtorizzazzjoni tal-ħruġ ta’ karti tal-flus: dan jinkludi l-ippjanar u l-koordinazzjoni strateġiċi tal-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus tal-euro. Il-BĊE jikkoordina wkoll l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tal-Eurosistema u s-sigurtà u l-kwalità tal-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Barra dan, il-BĊE għandu Counterfeit Analysis Centre li janalizza u jikklassifika l-karti tal-flus tal-euro foloz, bażi tad-dejta ċentrali dwar il-karti tal-flus tal-euro foloz u International Counterfeit Deterrence Centre li jgħin fil-kooperazzjoni globali tal-banek ċentrali biex jiskoraġġixxu l-falsifikazzjoni, taħt il-patroċinju tal-Gvernaturi tal-G10.
- Interventi fis-swieq tal-kambju: jekk ikun meħtieġ, dawn isiru wkoll flimkien ma’ banek ċentrali nazzjonali individwali. Jinvolvu x-xiri u/jew il-bejgħ ta’ titoli denominati f'munita barranija fis-swieq tal-kambju.
- Tħaddim tas-sistemi ta' pagament u sorveljanza tal-infrastrutturi ta' pagament u tas-swieq finanzjarji: is-sistemi ta' pagament huma mezz għat-trasferiment tal-flus fis-sistema bankarja. Il-BĊE jaġixxi bħala operatur tat-T2-ECB, sistema li hi parti mit-TARGET2, is-sistema ta' pagament għall-euro. Barra dan, il-BĊE, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, għandu dmirijiet ta' sorveljanza, jiġifieri jwettaq il-funzjoni ta' bank ċentrali li biha jħeġġeġ is-sigurtà u l-effiċjenza tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji u tal-istrumenti ta' pagament billi jissorvelja l-valutazzjonijiet u, fejn ikun meħtieġ, jagħmel tibdil. Il-BĊE, bil-kooperazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali, iwettaq ukoll tibdil fis-swieq biex jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji u jarmonizza s-servizzi ta' pagament bl-euro. Iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-ħlasijiet bl-imnut hija eżempju ċar tal-ħidma tal-BĊE bħala aġent tal-bidla għall-armonizzazzjoni tas-swieq finanzjarji.
OR.012 01/13
Bank Ċentrali Ewropew
lura għall-bidu
