L-aħħar aġġornament: 31 ta' Jannar 2013
13 / 19
L-organizzazzjoni
Id-doveri tal-BĊE (2/2)
Barra dan, il-BĊE hu responsabbli għal
- Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea: biex jippreżenta l-fehmiet tiegħu fuq livell internazzjonali u Ewropew, il-BĊE jieħu sehem fil-laqgħat ta' diversi fora internazzjonali u Ewropej. F’Diċembru 1998, il-BĊE sar l-uniku bank ċentrali fid-dinja li ngħata status ta’ osservatur fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u issa jieħu sehem fil-laqgħat kollha tal-Bord Esekuttiv tal-FMI dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Għal din ir-raġuni, il-BĊE stabbilixxa rappreżentanza permanenti f’Washington D.C. Barra dan, il-BĊE jieħu sehem fil-laqgħat tal-G7, tal-G20 u tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. Fuq livell Ewropew, il-President tal-BĊE jiġi mistieden regolarment biex jattendi l-laqgħat tal-Eurogroup, il-laqgħat informali ta’ kull xahar tal-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro. Barra dan, il-BĊE jista’ jieħu sehem fil-laqgħat tal-Kunsill tal-UE kull meta jiġu diskussi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-għanijiet u d-doveri tal-Eurosistema.
- Rapporti statutorji: l-obbligi tar-rappurtar huma stabbiliti fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (Artikolu 15). Il-BĊE jipproduċi Bullettin ta’ Kull Xahar, rapport finanzjarju konsolidat tal-Eurosistema kull ġimgħa u Rapport Annwali.
- Sorveljanza tar-riskji finanzjarji: dan jinvolvi stima tar-riskji għat-titoli, jew dawk mixtrija fil-kuntest tal-investiment tal-fondi proprji tal-BĊE u riżervi barranin jew dawk ta' titoli li jkunu ġew aċċettati bħala garanzija fl-operazzjonijiet tal-kreditu tal-Eurosistema.
- Twettiq ta’ funzjonijiet ta’ għoti ta’ pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali: il-BĊE jadotta “Opinjonijiet” dwar abbozzi ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali, fejn din tikkonċerna l-qasam tal-kompetenza tal-BĊE.
- Tmexxija tas-sistemi tat-TI: il-BĊE u l-BĊN stabbilew għadd ta’ sistemi operazzjonali komuni biex jiffaċilitaw it-twettiq ta’ operazzjonijiet deċentralizzati. Dawn is-sistemi jipprovdu s-sostenn “loġistiku” għall-integrità funzjonali tal-Eurosistema. Dawn is-sistemi jinkludu sistemi, applikazzjonijiet u proċeduri tal-informatika. Dawn jiġu organizzati skond orjentament ta’ kollegamenti “minn u għaċ-ċentru”, fejn iċ-ċentru jinsab fil-BĊE.
- Maniġġ strateġiku u tattiku tar-riżervi barranin tal-BĊE: dan jinvolvi d-definizzjoni tal-preferenzi dwar ir-riskji fuq żmien twil għall-qligħ fuq l-assi tar-riżervi barranin (allokazzjoni strateġika tal-assi), it-tmexxija tal-profil riskju-qligħ fuq l-isfond tal-kondizzjonijiet prevalenti tas-suq (allokazzjoni tattika tal-assi) u l-formulazzjoni ta’ linja gwida għall-investiment u l-qafas operazzjonali ġenerali.
OR.013 01/12
Bank Ċentrali Ewropew
lura għall-bidu
