L-aħħar aġġornament: 31 ta' Jannar 2013
14 / 19
L-organizzazzjoni
Id-doveri tal-banek ċentrali nazzjonali
L-istruttura operazzjonali tal-Eurosistema tqis il-prinċipju tad-deċentralizzazzjoni. Il-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) iwettqu d-doveri operazzjonali kważi kollha tal-Eurosistema. Meta jagħmlu dan, ikunu qed iwettqu d-deċiżjonijiet meħuda ċentralment mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Il-BĊN huma responsabbli għal
- Twettiq tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja: dan ifisser li l-BĊN iwettqu transazzjonijiet attwali bħal, per eżempju, jipprovdu lill-banek kummerċjali bi flus tal-bank ċentrali.
- Maniġġ operazzjonali tar-riżervi barranin tal-BĊE: dan jinkludi t-twettiq u l-ħlas tat-transazzjonijiet tas-suq meħtieġa għall-investiment tar-riżervi barranin tal-BĊE.
- Maniġġ tar-riżervi barranin tagħhom stess: operazzjonijiet tal-BĊN ippjanati f’dan il-qasam huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-BĊE, jekk tali transazzjonijiet jistgħu jaffettwaw ir-rati tal-kambju jew il-kondizzjonijiet tal-likwidità domestika u jekk jaqbżu ċerti limiti stabbiliti mill-linji gwida tal-BĊE. L-għan hu li tiġi żgurata l-konsistenza mal-politika monetarja u dik dwar ir-rati tal-kambju tal-BĊE.
- Tħaddim u sorveljanza tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji u strumenti tal-pagament: il-BĊN jaġixxu bħala l-operaturi tas-sistemi tal-komponent nazzjonali tat-TARGET2, is-sistema tal-pagament għall-euro, u b'hekk il-komunità tal-utenti nazzjonali rispettivi tkun tista' tipparteċipa fit-TARGET2. Xi BĊN joperaw ukoll sistemi għas-saldu tat-titoli. Barra dan, il-BĊN huma involuti fis-sorveljanza tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji.
- Ħruġ ta’ karti tal-flus flimkien mal-BĊE: kemm il-BĊE kif ukoll il-BĊN joħorġu karti tal-flus tal-euro. Il-karti tal-flus kollha jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni mill-BĊN, li jissodisfaw kwalunkwe domanda għall-karti tal-flus tal-euro billi jniedu ordnijiet annwali għall-produzzjoni tal-karti tal-flus u billi jħaddmu sistema tal-maniġġ tal-istokk fl-Eurosistema kollha. Iż-żewġ attivitajiet jiġu kkoordinati mill-BĊE. Il-BĊN jieħdu passi biex tintlaħaq kwalità għolja tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u biex janalizzaw il-flus foloz.
- Ġbir ta’ statistika u għoti ta’ għajnuna lill-BĊE: il-BĊE jeħtieġ firxa wiesgħa ta’ dejta ekonomika u finanzjarja biex isostni t-tmexxija tal-politika monetarja tiegħu u biex iwettaq id-doveri l-oħra tal-Eurosistema. L-oqsma ewlenin fejn il-BĊN jgħinu billi jiġbru dejta mill-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali huma i) il-flus, l-attività bankarja u s-swieq finanzjarji, ii) statistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti u dwar ir-riżervi internazzjonali tal-Eurosistema, u iii) il-kontijiet finanzjarji.
- Funzjonijiet barra s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali: il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu wkoll iwettqu funzjonijiet oħra minbarra dawk speċifikati fl-Istatut sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċiedix, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li funzjonijiet bħal dawn itellfu l-għanijiet u x-xogħol tas-SEBĊ. Għal funzjonijiet bħal dawn huma responsabbli l-banek ċentrali nazzjonali.
OR.014 01/12
Bank Ċentrali Ewropew
lura għall-bidu
