Navigation Path: Home > The European Central Bank > Organizzazzjoni > Rwoli > L-amministrazzjoni tal-portafolli
L-attivitajiet tal-BĊE għall-investiment jiġu organizzati b'tali mod li jiżguraw li ebda tagħrif intern dwar l-azzjonijiet tal-politika ta' bank ċentrali ma jkun jista' jintuża meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-investiment. Sensiela ta' regoli u proċeduri, magħrufa bħala l-Ħajt Ċiniż, jifirdu l-oqsma tax-xogħol tal-BĊE involuti f'attivitajiet operazzjonali ta' investiment minn oqsma oħra tax-xogħol.
Il-BĊE għandu u jimmaniġġa żewġ portafolji :
Barra dan, il-BĊE għandu, iżda ma jimmaniġġax direttament, il-fond tal-Pjan tal-Irtirar tal-BĊE.
Ir-riżervi barranin tal-BĊE nħolqu meta ġie introdott l-euro fl-1 ta' Jannar 1999. Kienu magħmula mill-assi ttrasferiti lill-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) li ssieħbu mal-Eurosistema dak iż-żmien. Il-BĊN li ssieħbu mal-Eurosistema iżjed tard, ukoll ittrasferew assi tar-riżervi barranin lill-BĊE bl-istess proporzjon li ntuża meta ssieħbu l-ewwel ħdax-il BĊN.
Ir-riżervi barranin tal-BĊE jiġu mmaniġġati għal għanijiet ta' likwidità, sigurtà u redditu fuq l-investiment, f'din l-ordni ta' importanza.
Il-portafoll tar-riżervi barranin tal-BĊE hu magħmul minn dollari Amerikani, yen Ġappuniżi, deheb u Drittijiet Speċjali ta' Ġbid (SDRs). Il-kompożizzjoni eżatta tal-portafoll tinbidel tul iż-żmien, u dan jirrifletti l-operazzjonijiet tal-investiment, il-bidliet fil-valur tas-suq tal-assi investiti, kif ukoll l-operazzjonijiet tal-BĊE f'kambju barrani u f'deheb. Kull sena, fir-rapport annwali, il-BĊE jippubblika l-kompożizzjoni tal-muniti fil-portafolji tar-riżervi barranin tiegħu. Ir-riżervi f'dollari Amerikani u f'yen Ġappuniżi jiġu mmaniġġati attivament mill-BĊE u mill-BĊN taż-żona tal-euro li jaġixxu bħala aġenti għall-BĊE.
Minn Jannar 2006 'l hawn, beda jintuża "mudell ta' speċjalizzazzjoni skond il-munita" biex tiżdied l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tal-maniġġ tal-portafoll tar-riżervi barranin tal-BĊE. Skond din l-iskema, kull BĊN jista' jagħżel li ma jwettaqx attivitajiet ta' maniġġ tar-riżervi barranin tal-BĊE f'isem il-BĊE, u b'hekk jiffranka l-ispejjeż; jew jista' jwettaq attivitajiet ta' maniġġ tar-riżervi barranin tal-BĊE flimkien ma' BĊN ieħor. Il-BĊN li jwettqu attivitajiet ta' maniġġ tar-riżervi barranin tal-BĊE s-soltu jiġu allokati sehem mill-portafoll tad-dollari Amerikani jew tal-yen Ġappuniżi, għalkemm żewġ BĊN ikunu qed jimmaniġġjaw żewġ portafolji.
Mill-2005 'l hawn, il-BĊE biegħ id-deheb iżjed minn darba skond il-Ftehim tal-Banek Ċentrali dwar id-Deheb tas-27 ta' Settembru 1999, li ġie mġedded fl-2004, u li tiegħu l-BĊE hu firmatarju.
Għal iżjed tagħrif, ara
Għal iżjed dejta, ara Statistika dwar ir-riżervi internazzjonali
Għal iżjed dettalji, ara l-Kontijiet Annwali tal-BĊE, ippubblikati bħala parti mir- Rapport Annwali.
Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE jikkonsisti mill-kontroparti investita tal-kapital imħallas tal-BĊE, kif ukoll mill-ammonti li jkollu minn żmien għal żmien fil-fond ġenerali tar-riżervi tiegħu u l-provvediment tiegħu kontra r-riskji tar-rati tal-kambju barrani, tar-rati tal-imgħax u tal-prezz tad-deheb. L-għan ta' dan il-portafoll hu li jipprovdi dħul lill-BĊE li jgħin biex jiġu koperti l-ispejjeż operazzjonali tiegħu. L-għan tal-amministrazzjoni tiegħu hu li jżid kemm jista' jkun ir-redditu tiegħu, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm telf f'ċertu livell ta' fiduċja. Dan il-portafoll hu investit f'assi b'rati fissi ta' qligħ u denominati f'euro. Il-lista tiġi aġġornata kull sena.
Għad-dettalji, ara l-Kontijiet Annwali tal-BĊE, ippubblikati bħala parti mir- Rapport Annwali.
Il-fond tal-pensjoni tal-BĊE jirrappreżenta l-assi investiti f'isem il-BĊE u l-istaff tiegħu fil-pjan tal-irtirar tal-BĊE. Dan il-fond jinżamm separat mill-assi l-oħra kollha tal-BĊE u għandu jintuża biss biex jipprovdi l-benefiċċji u jħallas l-ispejjeż tal-pjan tal-irtirar. L-assi huma mmaniġġati minn maniġer estern tal-investiment u minn kustodju skond mandat mogħti mill-BĊE għall-maniġġ tal-investiment.
Għad-dettalji, ara l-Kontijiet Annwali tal-BĊE, ippubblikati bħala parti mir- Rapport Annwali.
Il-BĊE hu direttament responsabbli għall-maniġġ tar-riskji tal-portafolji tal-investiment tiegħu. Il-maniġġ ta', u r-rappurtaġġ dwar ir-riskji finanzjarji mġarrba mill-BĊE jew mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Eurosistema - li jaġixxu f'isem il-BĊE - jkopru l-oqsma tar-riskji tas-suq, tal-kreditu u tal-likwidità. Dan jinvolvi erba' oqsma ewlenin ta’ responsabbiltà:
Ir-rappurtar indipendenti tar-riskju u tal-prestazzjoni hu fattur essenzjali tal-qafas tal-investiment tal-BĊE. Biex jiġu evitati konflitti potenzjali ta' interess, ir-riskji finanzjarji mġarrba fil-maniġġ tal-portafolji jiġu amministrati mid-Diviżjoni għall-Amministrazzjoni tar-Riskji, li tirrapporta direttament lill-Bord Esekuttiv.