Navigation Path: Home > Publications > Monthly Bulletin > Editorials > 2005 > 10 ta' Marzu 2005
Waqt il-laqgħa tiegħu tat-3 ta’ Marzu 2005, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE iddeċieda li jħalli r-rata minima ta’ l-offerti fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema l-istess kif kienet, jiġifieri 2.0%. Ir-rati ta’ l-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità tad-depożitu tħallew ukoll l-istess kif kienu, jiġifieri, 3.0% u 1.0% rispettivament.
Il-Kunsill Governattiv għadu mhux qed jara evidenza sinifikanti ta’ żidiet fil-pressjonijiet inflazzjonarji fundamentali fil-qasam domestiku fiż-żona ta' l-euro. Għalhekk, ħalla r-rati ewlenin ta’ l-imgħax tal-BĊE kif kienu. Dawn ir-rati ta’ l-imgħax huma f’livelli baxxi ħafna u qed jagħtu kontribut importanti għall-irkupru ta’ l-ekonomija. Fl-istess ħin, hemm riskji ta' ċaqliq 'l fuq għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju. Dawn jeħtieġ li jiġu ssorveljati minn-naħa tal-Kunsill Governattiv.
Meta wieħed jibda bl-analiżi ekonomika li hi l-bażi tal-valutazzjoni tal-Kunsill Governattiv, jara li, skond l-ewwel stima ta’ l-Ewrostat, il-PGD fiż-żona ta’ l-euro żdied b’rata trimestrali ta’ 0.2% fir-raba’ trimestru ta’ l-2004. Barra dan, it-tkabbir tal-PGD reali tat-tielet trimestru ġie rivedut ’l isfel għal 0.2%. Dan ir-riżultat ġenerali għall-aħħar sitt xhur tas-sena l-oħra kien ta’ diżappunt. Madankollu, l-kompożizzjoni tat-tkabbir tad-domanda fir-raba’ trimestru tat xi sinjali pożittivi f’dak li għandu x’jaqsam max-xejra fundamentali. It-tisħiħ tad-domanda domestika u, b’mod partikolari, tal-konsum jistgħu juru li l-irkupru fl-attività ekonomika fiż-żona ta’ l-euro qed jerga’ jżid xi ftit ir-ritmu.
Hemm għadd ta’ raġunijiet għaliex it-tkabbir iżjed dgħajjef fil-PGD reali fl-aħħar sitt xhur ta’ l-2004 forsi kien fenomenu transitorju. Fuq in-naħa esterna, t-tkabbir fl-ekonomija dinjija għadu qawwi, u għalhekk qed isostni l-esportazzjoni taż-żona ta’ l-euro. Fuq in-naħa domestika, l-investiment mistenni jkompli jgawdi minn kondizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli ħafna, minn qligħ robust u iktar effiċjenza fin-negozju. It-tkabbir tal-konsum għandu jgawdi minn żviluppi mistennija fid-dħul reali disponibbli.
Għalhekk, il-Kunsill Governattiv jistenna li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ għaddej fl-2005 u l-2006. Din l-istima hi riflessa wkoll fil-proġettazzjonijiet tal-persunal tal-BĊE ta’ Marzu 2005. Tkabbir reali tal-PGD fiż-żona ta’ l-euro hu pproġettat li jkun fuq medja ta’ bejn 1.2% u 2.0% fl-2005 u bejn 1.6% u 2.6% fl-2006. Dawn il-proġettazzjonijiet huma iżjed baxxi mill-proġettazzjonijiet tal-persunal ta’ l-Eurosistema ppubblikati f’Diċembru 2004, u dan jirrifletti żviluppi ekonomici iżjed dgħajfa għall-aħħar ta’ l-2004. Previżjonijiet disponibbli minn organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-settur privat juru bejn wieħed u ieħor l-istess prospetti.
Din l-istampa li toħroġ mill-proġettazzjonijiet fiha għadd ta’ riskji. Fuq in-naħa esterna, prezzijiet taż-żejt għolja u instabbli u żbilanċi globali persistenti jistgħu joħolqu riskji negattivi għat-tkabbir. Dwar ir-rati tal-kambju, l-Kunsill Governattiv jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu - li kien esprima meta l-euro għola ħafna f’daqqa - jiġifieri li ċaqliq bħal dan la hu milqugħ u lanqas mixtieq għat-tkabbir ekonomiku. Fuq in-naħa domestika, hemm inċertezzi dwar l-evoluzzjoni tal-konsum, waqt li l-kondizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli ħafna u l-irkupru fil-qligħ tal-kumpanniji jistgħu jwasslu għal iżjed tkabbir fl-investiment milli hu pproġettat bħalissa.
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet għall-konsumatur, l-inflazzjoni annwali HICP naqset b’mod sostanzjali f’Jannar 2005, u waqgħet għal 1.9% mit-2.4% ta’ Diċembru 2004. Dan kien ikkawżat l-iżjed mill-effetti bażi ġejjin minn żviluppi f’taxxi indiretti u fi prezzijiet amministrati f’xi pajjiżi. Fi Frar, skond l-istima preliminari ta’ l-Ewrostat, l-inflazzjoni HICP annwali kienet ta’ 2.0%.
Fix-xhur li ġejjin, ir-rati annwali ta’ l-inflazzjoni x’aktarx ser jibqgħu f’livelli ta’ madwar 2%. Meta wieħed iħares iżjed ’l quddiem, jara li ma hemm l-ebda evidenza li qed jiżdiedu pressjonijiet inflazzjonarji oriġinali fil-qasam domestiku. Matul dawn l-aħħar trimestri, iż-żidiet fil-pagi baqgħu moderati. Fil-kuntest ta’ tkabbir ekonomiku moderat, din ix-xejra għandha tkompli.
Dawn l-opinjonijiet jinsabu wkoll fil-proġettazzjonijiet tal-persunal tal-BĊE ta’ Marzu 2005. L-inflazzjoni annwali medja HICP hi pproġettata għal bejn 1.6% u 2.2% fl-2005 u bejn 1.0% u 2.2% fl-2006. Dawn il-proġettazzjonijiet baqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess bħall-proġettazzjonijiet tal-persunal ta’ l-Eurosistema ppubblikati f’Diċembru 2004 u huma konsistenti mal-previżjonijiet maħruġa dan l-aħħar minn organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-settur privat.
Jeħtieġ li jittieħed kont ta’ ħafna riskji ta’ ċaqliq ’l fuq, u b’mod speċjali l-iżviluppi futuri fil-prezzijiet taż-żejt. Żviluppi f’taxxi indiretti u fi prezzijiet amministrati jistgħu ukoll jerġgħu jissorprenduna b’ċaqliq ’l fuq. Barra dan, meħtieġa viġilanza kontinwa f’dak li għandu x’jaqsam mar-riskju potenzjali li żidiet ta’ l-imgħoddi fil-prezzijiet jistgħu jwasslu għal effetti indiretti li jistgħu jirriżultaw minn kif jiġu ffissati l-pagi u l-prezzijiet fl-ekonomija kollha. F’dan ir-rigward, żviluppi fl-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq żmien itwal jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib.
L-analiżi monetarja tipprovdi possibiltà ikbar li wieħed jifhem aħjar il-prospett għall-iżviluppi tal-prezzijiet fuq żmien medju u itwal. L-aħħar data monetarja tikkonferma t-tisħiħ tat-tkabbir ta’ l-M3 li ġie osservat minn nofs l-2004 ’l quddiem. Dan jirrifletti dejjem iżjed l-effett stimulanti tar-rati ta’ l-imgħax fiż-żona ta’ l-euro li huma fl-livelli storikament baxxi ħafna. Minħabba li t-tkabbir ta’ l-M3 baqa’ qawwi f’dawn l-aħħar ftit snin, fiż-żona ta’ l-euro baqa’ ħafna iżjed likwidità milli hu meħtieġ biex jiġi ffinanzjat tkabbir ekonomiku mhux inflazzjonarju. Dan jista’ joħloq riskji kontra l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju u jeħtieġ viġilanza.
Il-livell eċċezzjonalment baxx tar-rati ta’ l-imgħax qiegħed ukoll ikompli jħeġġeġ dejjem iżjed id-domanda tas-settur privat għall-kreditu. F’dawn l-aħħar xhur kompla jiżdied is-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Barra dan, id-domanda għal-self għax-xiri tad-djar baqgħet qawwija, u dan żied id-dinamika qawwija tal-prezzijiet tad-djar f’xi reġjuni taż-żona ta’ l-euro.
Fil-qosor nistgħu ngħidu li l-analiżi ekonomika tikkonferma li l-pressjonijiet inflazzjonarji fundamentali għadhom ikkontrollati, waqt li hemm riskji ta’ żieda kontra l-istabbiltà tal-prezzijiet u dawn ser jiġu mmonitorjati mill-qrib. Verifika ma' l-analiżi monetarja ssostni l-każ għal viġilanza kontinwa f'dak li għandu x'jaqsam mat-twettiq ta' riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju.
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-politika fiskali, l-Kunsill Governattiv josserva li, waqt li mistenni xi progress fil-konsolidament fiskali u l-korrezzjoni ta’ defiċit eċċessivi fil-programmi aġġornati tal-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro, f’għadd ta’ pajjiżi hu meħtieġ iżjed konsolidament. B’mod partikolari, ħafna pajjiżi mhux bi ħsiebhom jimxu fuq triq li twassal għal aġġustament ambizzjuż xieraq u mhux qed jimmiraw li jilħqu pożizzjonijiet fiskali qrib il-bilanċ jew pożittivi saż-żmien meta jagħlaq il-programm. Barra dan, f’xi każijiet, il-miri fiskali huma bbażati fuq ipotesijiet x’aktarx favorevoli ta’ tkabbir u fuq miżuri li ma humiex ċari biżżejjed.
Dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, issa d-diskussjonijiet jeħtieġ li jintemmu b’konklużjoni konvinċenti b’riżultat li jħares id-dixxiplina fiskali. Jeħtieġ li tiġi mħarsa bis-sħiħ il-kredibilità tal-proċedura ta’ defiċit eċċessivi. Dan hu ta’ importanza fondamentali mhux biss għall-istabbiltà makroekonomika u l-koeżjoni fiż-żona ta’ l-euro iżda wkoll għall-fiduċja u l-prospetti ta’ tkabbir fl-Istati Membri kollha.
Għal dan, il-Kunsill Governattiv jilqa’ b’ferħ id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-ECOFIN, bbażata fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, biex għall-ewwel darba jieħu l-pass proċedurali li jmiss fil-proċedura tad-defiċit eċċessivi u jwiddeb lill-Greċja skond l-Artikolu 104 (9) tat-Trattat. Il-Kunsill Governattiv ukoll hu tal-fehma li l-estensjoni taż-żmien, mill-2005 għall-2006, sakemm jiġu kkoreġuti id-defiċit eċċessivi, qed iġġebbed sal-limitu l-possibiltà ta’ interpretazzjoni tar-regoli u l-proċeduri. Issa hu assolutament meħtieġ li l-Greċja tieħu passi effettivi biex tikkoreġi l-iżbilanċi fiskali serji tagħha.
Dwar l-iżviluppi strutturali, ż-żona ta’ l-euro rat xejra relattivament baxxa ta’ tkabbir fil-produttività minn-nofs is-snin disgħin ’l hawn. Analiżi tal-fatturi determinanti tal-produttività turi li tkabbir iżjed baxx fil-produttività fiż-żona ta’ l-euro kien marbut parzjalment ma’ rati ta’ mpjieg ogħla minħabba parteċipazzjoni ikbar ta’ ħaddiema mħarrġa ftit biss fis-sengħa. Moderazzjoni sostnuta fil-pagi u xi progress f’riformi tas-suq tax-xogħol li kellhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol jidhru li ressqu parzjalment il-produzzjoni lejn użu iżjed intensiv tal-ħaddiema.
Hemm ukoll indikazzjonijiet li t-tkabbir tal-produttività mexa iżjed bilmod fiż-żona ta’ l-euro minn nofs is-snin disgħin ’l hawn, u dan wera li t-teknoloġiji ġodda li jtejbu l-produttività ma ġewx użati biżżejjed. Waqt li t-tkabbir tal-produttività żdied fl-oqsma li jipproduċu teknoloġiji ta' l-informatika u l-komunikazzjoni jew li jipprovdu servizzi relatati, naqas f'ħafna oqsma oħra ta' l-ekonomija. Dan juri li hemm riġiditajiet strutturali fiż-żona ta' l-euro li qed jostakolaw jew ixekklu l-firxa mgħaġġla u effettiva ta’ teknoloġiji ġodda u proċessi mtejba ta’ produzzjoni fl-ekonomija kollha.
Fuq dan l-isfond, huma indispensabbli riformi strutturali li jħeġġu l-innovazzjoni, l-investiment u l-produttività, u li jippromwovu l-użu ta’ teknoloġiji li jtejbu l-produttività. Jekk titħeġġeġ il-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti, jiġi ffaċilitat ir-ristrutturar u mtejjeb il-kapital uman permezz ta’ sistemi edukattivi xierqa u taħriġ “fuq il-post tax-xogħol”, x’aktarx li jiżdied il-qligħ tal-produttività mill-użu ta’ teknoloġiji ġodda.
lura għal fuq tal-paġna