Navigation Path: Home > Publications > Monthly Bulletin > Editorials > 2005 > 9 ta' Ġunju 2005
Waqt il-laqgħa tiegħu tat-2 ta’ Ġunju 2005, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE iddeċieda li jħalli r-rata minima ta’ l-offerta fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema kif kienu, jiġifieri 2.0%. Ir-rati ta’ l-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità tad-depożitu tħallew ukoll kif kienu, jiġifieri, 3.0% u 1.0% rispettivament.
B’mod ġenerali, abbażi ta’ l-analiżi regolari ekonomika u monetarja tiegħu, il-Kunsill Governattiv jistenna li, fuq żmien medju, l-pressjonijiet inflazzjonarji bażi fiż-żona ta’ l-euro ser jibqgħu ikkontrollati. Għalhekk, iddeċieda li jħalli r-rati ewlenin ta’ l-imgħax tal-BĊE kif kienu. Il-livell eċċezzjonalment baxx tar-rati ta’ l-imgħax fil-firxa kollha tal-maturità jkompli jipprovdi sostenn konsiderevoli lit-tkabbir ekonomiku fiż-żona ta’ l-euro, li d-dinamika tiegħu bħalissa hi biss moderata. Fl-istess ħin, il-Kunsill Governattiv ser jibqa’ viġilanti fir-rigward ta’ riskji ta' ċaqliq 'l fuq kontra l-istabbiltà tal-prezzijiet.
Dwar l-analiżi ekonomika li hi l-bażi ta’ l-istima tal-Kunsill Governattiv, fl-ewwel trimestru tal-2005 il-PGD reali kiber, skond l-ewwel stimi, b’0.5% fuq bażi trimestrali, waqt li t-tkabbir fit-trimestru ta’ qabel kien ta’ 0.2%. Madankollu, ċ-ċifri għat-tkabbir tal-PGD reali fl-aħħar żewġ trimestri jirriflettu, fost affarijiet oħra, l-effetti statistiċi marbuta ma’ l-aġġustamenti tal-ġranet tax-xogħol mad-data. Minħabba dan, l-istima dwar id-dinàmika tat-tkabbir fl-aħħar trimestru tal-2004 kienet iżjed baxxa milli suppost, u ftit iżjed għolja milli suppost fl-ewwel trimestru tal-2005. Meta wieħed iqis kollox, il-biċċa l-kbira ta’ l-indikaturi l-aktar reċenti ta’ l-attività ekonomika għadhom x’aktarx baxxi.
Il-moderazzjoni fl-attività ekonomika li rajna minn-nofs l-2004 ’l hawn hi marbuta, fost affarijiet oħra, maż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt. Meta wieħed iħares ’il quddiem, jara li l-fatturi fundamentali pożittivi jistgħu jerġgħu jinfluwenzaw il-prospetti, jekk wieħed jassumi li l-effetti ta’ l-iżviluppi negattivi jonqsu ftit ftit. Notevolment, l-attività ekonomika dinjija mistennija tibqa’ qawwija, minkejja xi moderazzjoni mill-livelli rekord li rajna s-sena l-oħra. Dan jibqa’ jsostni l-esportazzjoni taż-żona ta’ l-euro u għandu jkollu impatt pożittiv ukoll fuq l-investiment. L-investiment mistenni jibbenefika minn qligħ qawwi, minn titjib fl-effiċjenza tan-negozju u mill-kondizzjonijiet favorevoli ħafna ta’ finanzjament. Fl-istess ħin, it-tkabbir tal-konsum mistenni jiżviluppa skond it-tkabbir tad-dħul reali disponibbli.
Din l-istima hi ġeneralment konsistenti mal-proġettazzjonijiet ta’ l-istaff ta’ l-Eurosistema ta’ Ġunju 2005. Il-PGD reali taż-żona ta’ l-euro mistenni jikber b’rati ta’ bejn 1.1% u 1.7% fl-2005, u bejn 1.5% u 2.5% fl-2006. Tbassir reċenti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-settur privat jagħtu l-istess indikazzjonijiet. Meta mqabbla mal-proġettazzjonijiet ta’ l-istaff tal-BĊE ta’ Marzu 2005, l-iskali pproġettati għat-tkabbir tal-PGD reali fl-2005 u l-2006 ġew aġġustati ftit ’l isfel.
Kollox ma’ kollox, skond il-fehma tal-Kunsill Governattiv, it-tkabbir reali ekonomiku għandu jitjieb ftit ftit matul il-perijodu li ġej. Fl-istess ħin, data reċenti żiedet l-inċertezza dwar l-evoluzzjoni tad-domanda domestika fuq żmien qasir, u l-prezzijiet taż-żejt li baqgħu għoljin b’mod persistenti u l-iżbilanċi globali jistgħu jikkaġunaw riskji ta’ ċaqliq ’l isfel fil-proġettazzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku.
Dwar l-iżviluppi tal-prezzijiet fiż-żona ta’ l-euro, skond l-istima preliminari ta’ l-Eurostat, l-inflazzjoni annwali ta’ l-HICP kienet ta’ 2.0% f’Mejju, meta mqabbla ma’ 2.1% f’April. Tul ix-xhur li ġejjin, ir-rati ta’ l-inflazzjoni annwali ta’ l-HICP mistennija jibqgħu bejn wieħed u ieħor fil-livelli attwali. Minn-naħa l-waħda, l-prezzijiet ta’ l-enerġija qed jagħmlu pressjoni biex tiżdied l-inflazzjoni ta’ l-HICP. Minn-naħa l-oħra, l-pressjoni inflazzjonarja bażi kienet x’aktarx ikkontrollata, u fil-medja, żidiet fil-pagi baqgħu moderati matul it-trimestri reċenti.
Fil-proġettazzjonijiet ta’ l-istaff ta’ l-Eurosistema ta’ Ġunju 2005, l-inflazzjoni annwali medja ta’ l-HICP tidher li qiegħda bejn 1.8% u 2.2% fl-2005, u bejn 0.9% u 2.1% fl-2006. Meta mqabbla mal-proġettazzjonijiet ta’ l-istaff tal-BĊE ippubblikati f’Marzu 2005, il-proġettazzjonijiet dwar l-inflazzjoni għall-2005 ġew riveduti ftit ’l fuq, u dawk għall-2006 ġew riveduti ftit ’l isfel. Fl-2006, dan jirrifletti, fil-biċċa l-kbira, l-effett statistiku mistenni ta’ riforma ippjanata fil-kura tas-saħħa f’wieħed mill-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro, l-Olanda, li mistenni jfisser tnaqqis ta’ darba ta’ 0.2% punti perċentwali fir-rata ta’ l-inflazzjoni taż-żona ta’ l-euro għall-2006. Dan l-effett għandu jiġi eskluż mill-istima tal-prospetti fuq żmien medju għall-istabbiltà tal-prezzijiet.
Meta wieħed iqis is-suppożizzjonijiet li jwasslu għall-proġettazzjonijiet, jara li r-riskji ta’ ċaqliq ’il fuq fil-proġettazzjonijiet dwar l-inflazzjoni qed jieħdu s-sopravvent. Dawn ir-riskji huma notevolment marbuta ma’ żviluppi futuri fil-prezz taż-żejt, ma’ taxxi indiretti u ma’ prezzijiet amministrati. Barra dan, hi meħtieġa viġilanza kontinwa biex jiġi żgurat li ż-żidiet ta’ l-imgħoddi fil-prezzijiet ma jwasslux għal effetti indiretti fl-iffissar tal-pagi u tal-prezzijiet fl-ekonomija kollha. F’dan ir-rigward, responsabbiltà kontinwa minn-naħa tas-sħab soċjali hi importanti ħafna.
L-analiżi monetarja tipprovdi għarfien ikbar tar-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq perijodu bejn medju u itwal. Matul dawn l-aħħar xhur, il-flus u l-kreditu baqgħu jikbru bil-qawwa fiż-żona ta’ l-euro. Dawn l-iżviluppi jirriflettu prinċipalment l-effett stimulanti tal-livell storikament baxx tar-rati ta’ l-imgħax fiż-żona ta’ l-euro. Id-dinàmika monetarja titmexxa minn tkabbir qawwi tal-komponenti l-iżjed likwidi ta’ l-aggregat monetarju sħiħ (M3) li jinsabu fl-aggregat monetarju ristrett (M1). Fl-istess ħin, id-domanda tas-settur privat għal self mill-IFM (Istituti Finanzjarji Monetarji) fiż-żona ta’ l-euro, b’mod partikolari għax-xiri tad-djar, baqgħet qawwija.
L-istima tal-likwidità għolja fiż-żona ta’ l-euro hi kkonfermata mill-indikaturi kollha. Minħabba, fost affarijiet oħra, n-natura dejjem iżjed likwida ta’ l-espansjoni monetarja, l-istokk akkumulat ta’ l-aggregat monetarju sħiħ (M3) jista’ jfisser ċaqliq ’l fuq tar-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq il-perijodu bejn medju u itwal.
Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li l-analiżi ekonomika tissuġġerixxi li l-pressjonijiet inflazzjonarji bażi domestiċi għadhom ikkontrollati fuq żmien medju. Fl-istess ħin, hu meħtieġ li ssir ènfasi fuq in-natura kondizzjonali ta’ din l-istima u fuq ir-riskji relatati ta’ ċaqliq ’l fuq kontra l-istabbiltà tal-prezzijiet. Verifika ma’ l-analiżi monetarja ssostni l-każ għal viġilanza kontinwa.
Dwar il-politika fiskali, għad hemm tħassib dwar l-iżviluppi fiż-żona ta’ l-euro. Waqt li xi ftit pajjiżi qed jirnexxilhom iżommu pożizzjonijiet ta’ estimi finanzjarji sodi, f’ħafna pajjiżi hu essenzjali li tingħata l-ogħla prijorità lill-konsolidament fiskali minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja. Barra dan, ir-regoli u proċeduri riveduti għall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li mistennija jidħlu fis-seħħ fi ftit żmien, jeħtieġ li jiġu implimentati b’mod strett biex tiġi żgurata l-kredibilità u biex tingħata spinta biex jerġgħu jintlaħqu malajr pożizzjonijiet ta’ estimi finanzjarji sodi.
Dwar ir-riformi strutturali, l-“Integrated Guidelines” għall-2005-08 li jkopru kemm il-Linji Gwida ta’ Politika Ekonomika Wiesa’ l-ġodda kif ukoll il-Linji Gwida dwar l-Impjieg il-ġodda, dalwaqt jiġu adottati. Dawn il-linji gwida għall-politika ekonomika u ta’ l-impjieg imbagħad iservu bħala bażi għal azzjoni fil-livell ta’ l-UE u għall-Istati Membri biex ifasslu programmi ta’ riforma nazzjonali sal-ħarifa ta’ din is-sena. L-istruttura l-ġdida ta’ kontroll ta’ l-aġenda ta’ Lisbona għandha tipprovdi spinta ġdida għar-riformi strutturali fl-Ewropa. Dawn ir-riformi huma vitali biex l-Ewropa tkun tista’ tirreaġixxi għall-isfidi li ġejjin mill-ispeċjalizzazzjoni globali fix-xogħol li qiegħda dejjem tikber, mill-proċess mgħaġġel ta’ tibdil teknoloġiku u mill-proporzjon għoli ta’ anzjani fil-popolazzjoni. Atteġġament determinat li jindirizza dawn l-isfidi, u komunikazzjoni li jirnexxilha tikkonvinċi l-pubbliku dwar il-benefiċċji tar-riformi, huma l-fatturi l-iżjed importanti biex itejjbu l-prospetti ekonomiċi fuq żmien qasir kif ukoll biex isostnu l-prosperità taċ-ċittadini Ewropej fuq żmien itwal.
lura għal fuq tal-paġna