Navigation Path: Home > Publications > Monthly Bulletin > Editorials > 2006 > 11 ta' Mejju 2006
Waqt il-laqgħa tiegħu ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE iddeċieda li, abbażi ta’ l-analiżi ekonomika u monetarja regolari tiegħu, iżomm ir-rati ewlenin ta’ l-imgħax tal-BĊE kif kienu. Meta wieħed iqis kollox, it-tagħrif li sar disponibbli mill-laqgħa tat-2 ta’ April ’l hawn ġeneralment jikkonferma l-istima ta’ qabel tal-Kunsill Governattiv dwar il-prospetti għall-iżviluppi fil-prezzijiet u għall-attività ekonomika fiż-żona ta’ l-euro, u jikkonferma li t-tkabbir monetarju u tal-kreditu baqa’ dinamiku ħafna. Fuq dan l-isfond, il-Kunsill Governattiv se jeżerċita viġilanza qawwija biex jiżgura li r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju ma jitwettqux. Viġilanza tali hi meħtieġa b’mod partikolari f’kuntest ta’ likwidità abbundanti u livelli ta’ rati ta’ mgħax nominali u reali li għadhom baxxi ħafna fil-firxa kollha tal-maturità, u dan jindika orjentament ta’ politika monetarja ġeneralment favorevoli. Biex il-politika monetarja tkun tista’ tkompli tikkontribwixxi ħalli ssostni t-tkabbir u l-impjieg fiż-żona ta’ l-euro, jeħtieġ li l-aspettattivi ta’ l-inflazzjoni jkunu ankrati fis-sod.
L-ewwel, dwar l-analiżi ekonomika, id-data li saret disponibbli mill-bidu tas-sena ’l hawn tindika li t-tkabbir ekonomiku reġa’ beda jiżdied fl-ewwel trimestru tal-2006, wara l-moderazzjoni osservata fl-aħħar trimestru tal-2005. Barra dan, l-aħħar indikaturi u tagħrif mill-istħarriġ jindikaw tkabbir kontinwu fit-tieni trimestru u jsostnu x-xenarju ta’ tkabbir gradwali ta’ l-attività ekonomika kif jidher fil-proġettazzjonijiet ta’ l-istaff tal-BĊE ta’ Marzu 2006. Il-fiduċja tan-negozju hi partikolarment pożittiva, fattur li, fil-prinċipju, hu sinjal tajjeb għall-investiment; u, l-irkupru fil-konsum u l-impjieg, għalkemm gradwali, jidher li miexi ’l quddiem.
Meta wieħed iħares iżjed ’il quddiem, jara li l-kondizzjonijiet biex ikompli t-tkabbir fit-trimestri li ġejjin għadhom hemm. L-attività fl-ekonomija dinjija mistennija tibqa’ qawwija, u b’hekk l-esportazzjoni taż-żona ta’ l-euro tkompli tiġi sostnuta. It-tkabbir fl-investiment għandu jgawdi minn perijodu twil ta’ kondizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli ħafna, minn ristrutturar tal-karti tal-bilanċ, u minn żidiet fil-qligħ u fl-effiċjenza tan-negozju. Iż-żieda fil-konsum għandha wkoll tissaħħaħ maż-żmien, skond l-iżviluppi tad-dħul disponibbli reali, waqt li l-qagħda tas-suq tax-xogħol tkompli titjieb. B’mod ġenerali, dawn il-prospetti favorevoli għat-tkabbir ekonomiku huma skond il-previżjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-settur privat.
Meta wieħed iqis it-tagħrif disponibbli, ir-riskji għal dan ix-xenarju jidhru ġeneralment ibbilanċjati fuq żmien qasir, għalkemm dan l-aħħar il-prezzijiet taż-żejt reġgħu wrew volatilità qawwija u potenzjal ta’ riskji ta’ tnaqqis fit-tkabbir. Dan jagħmel ènfasi fuq il-ħtieġa għal iżjed titjib fit-trasparenza tas-swieq taż-żejt u iżjed investiment f’dan is-settur. Fuq żmien itwal qed jippersisti t-tħassib dwar l-iżbilanċi globali, u l-istess qed jagħmlu r-riskji marbuta mal-protezzjoniżmu.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżviluppi fil-prezzijiet, skond l-istima preliminari ta’ l-Eurostat, l-inflazzjoni annwali tal-HICP kienet ta’ 2.4% f’April tal-2006, meta mqabbla ma’ 2.2% f’Marzu u 2.3% fi Frar. Fuq żmien qasir, ir-rati annwali ta’ l-inflazzjoni x’aktarx li jibqgħu ogħla minn 2%, waqt li l-profil minn xahar għal xahar jibqa’ ’l biċċa l-kbira dipendenti fuq il-prezzijiet taż-żejt u l-qawwa li biha dawn jiġu trasmessi għall-prezzijiet l-oħra fil-katina tal-produzzjoni. Lil hinn miż-żmien qasir, il-bidliet fil-prezzijiet amministrati u fit-taxxi indiretti huma mistennija li jaffettwaw l-inflazzjoni b’mod sinifikanti fl-2007, u hu mistenni wkoll li jkun hemm impatt ta’ żieda minħabba l-effetti indiretti taż-żidiet ta’ l-imgħoddi fil-prezz taż-żejt. Fl-istess waqt, id-dinamika tal-pagi fiż-żona ta’ l-euro baqgħet moderata matul dawn l-aħħar trimestri u t-tkabbir fil-pagi mistenni li jibqa’ mrażżan. Dan jirrifletti parzjalment il-pressjonijiet kompetittivi globali, b’mod partikolari fis-settur tal-manifattura. Il-moderazzjoni ta’ dan l-aħħar fil-pagi għenet biex tnaqqas il-pressjonijiet inflazzjonarji domestiċi. Meta wieħed iħares ’l quddiem, jara li hu daqstant kruċjali li s-sħab soċjali jkomplu jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom dwar dan, mhux l-inqas bil-ħsieb li jħeġġu t-tkabbir fl-impjieg.
Ir-riskji għall-prospetti dwar l-iżviluppi tal-prezzijiet għadhom għolja u jinkludu iżjed żidiet fil-prezzijiet taż-żejt, trasmissjoni taż-żidiet fil-prezz taż-żejt għall-prezzijiet tal-konsumatur iżjed qawwija minn dik prevista bħalissa, iżjed żidiet fil-prezzijiet amministrati u fit-taxxi indiretti, u – b’mod iżjed fundamentali – żviluppi fil-pagi iżjed qawwija milli hu mistenni bħalissa, possibbilment minħabba l-effetti sekondarji taż- żidiet ta’ l-imgħoddi fil-prezz taż-żejt.
Dwar l-analiżi monetarja: f’kuntest ta’ likwidità abbundanti fiż-żona ta’ l-euro, it-tkabbir monetarju u tal-kreditu għadu dinamiku ħafna. B’mod partikolari, ir-rata annwali ta’ tkabbir tas-self lis-settur privat baqa’ jiżdied f’dawn l-aħħar xhur u issa laħaq livelli ta’ żewġ ċifri. It-tkabbir tal-kreditu nfirex iżjed fuq is-setturi kollha, u s-self żdied ħafna iżjed kemm lill-individwi – b’mod speċjali għax-xiri tad-djar – kemm lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji. It-tkabbir monetarju qed ikompli jitmexxa l-iżjed mill-espansjoni ta’ l-iżjed komponenti likwidi tiegħu. B’hekk, l-aħħar żviluppi jikkonfermaw li l-impatt stimulanti tal-livell baxx tar-rati ta’ l-imgħax għadu l-kawża ewlenija tat-tendenza tar-rati għolja ta’ l-espansjoni monetarja ta’ bħalissa. B’mod ġenerali, f’dan l-ambjent, tkabbir monetarju u tal-kreditu iżjed mgħaġġel qed ikompli jindika żieda fir-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju sa itwal. Għalhekk, l-iżviluppi monetarji jeħtieġu sorveljanza bir-reqqa, speċjalment minħabba li l-attività ekonomika qed titqawwa u, b’mod partikolari, minħabba d-dinamika ta’ prezzijiet għolja ta’ l-assi, speċjalment fis-swieq tad-djar.
Fil-qosor, nistgħu ngħidu li qed jiġi pproġettat li fl-2006 u l-2007 ir-rati annwali ta’ l-inflazzjoni se jibqgħu għoljin, u l-analiżi ekonomika tikkonferma li r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet għadhom għoljin. Jidher li wħud minn dawn ir-riskji żdiedu minħabba li reġgħu għolew il-prezzijiet taż-żejt. Minħabba l-qawwa tat-tkabbir monetarju u tal-kreditu f’kuntest ta’ likwidità abbondanti, verifika tar-riżultat ta’ l-analiżi ekonomika ma’ dik ta’ l-analiżi monetarja ssostni l-istima li qed jippersistu r-riskji li l-prezzijiet jogħlew għad-dannu ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju sa twil. Għalhekk għadu ta’ importanza kruċjali li wieħed jiżgura li l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq żmien medju sa twil fiż-żona ta’ l-euro jinżammu ankrati fis-sod fuq livelli li huma konsistenti ma’ l-istabbiltà tal-prezzijiet – dan hu prerekwiżit biex il-politika monetarja tagħti kontribut kontinwu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u għall-ħolqien ta’ l-impjiegi. Għalhekk, hi essenzjali viġilanza partikolari biex jiġi żgurat li r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet ma jitwettqux.
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-politika fiskali, hemm xi sinjali li l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-impenn biex jiġu osservati r-regoli tjiebu wara r-reviżjoni tas-sena l-oħra. Madankollu, f’għadd ta’ każi, il-miri fiskali jindikaw li l-konsolidazzjoni miexja bilmod ħafna u li t-twettiq ta’ dawn il-miri għadu suġġett għal riskji kbar. Għalhekk il-Kunsill Governattiv isostni kwalunkwe tisħiħ ieħor ta’ l-isforzi favur il-konsolidazzjoni fiskali li jisfruttaw l-ambjent ekonomiku iżjed favorevoli. Miri fiskali ambizzjużi b’mod xieraq u li jkunu parti minn programm komprensiv ta’ riforma strutturali jistgħu jnaqqsu l-proporzjon tad-defiċit u tad-dejn iżjed malajr. Dan hu ta’ importanza deċiżiva biex jintlaħqu finanzi pubbliċi sostenibbli. Strateġiji bħal dawn għandhom ukoll isaħħu l-fiduċja fil-prospetti ekonomiċi taż-żona ta’ l-euro.
Dwar ir-riformi strutturali, il-Kunsill Governattiv jerġa’ jisħaq fuq l-importanza li jinbdew riformi komprensivi biex jiġu żgurati swieq tal-prodotti u tas-servizzi miftuħa, kompetittivi u li jiffunzjonaw sew, inklużi l-promozzjoni ta’ flessibbiltà tal-pagi u tal-prezzijiet u t-tħeġġiġ ta’ ambjent attraenti għall-investiment u l-innovazzjoni. Reġgħet saret ènfasi fuq il-ħtieġa għal riformi bħal dawn minħabba l-iżviluppi ta’ dan l-aħħar fil-prezz taż-żejt; dawn ir-riformi jistgħu jtejbu l-potenzjal ta’ l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro biex tirkupra minn skossi esterni. Hemm ftehim qawwi u wiesa’ dwar il-fatt li sitwazzjoni miftuħa u flessibbli hi ta’ benefiċċju biex jitħeġġu t-tkabbir u l-impjieg, u issa hu essenzjali li l-pjanijiet ta’ riforma miftiehma jissarfu f’azzjoni u li dawn jissaħħu fejn ikun meħtieġ. Jekk jibqgħu miexjin ’il quddiem bir-riformi strutturali ambizzjużi, il-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro jistgħu jsostnu wkoll l-irkupru ekonomiku kontinwu.
Din il-ħarġa tal-Bullettin ta’ Kull Xahar fiha tliet artikli. L-ewwel artiklu jagħti aġġornament tal-ħidma kontinwa tal-BĊE fis-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-progress ta’ l-integrazzjoni finanzjarja Ewropea. It-tieni artiklu jiddeskrivi l-proċess biex tiġi stabbilita lista unika ta’ garanziji fuq is-self fiż-żona ta’ l-euro kollha, liema lista se tissostitwixxi s-sistema attwali ta’ żewġ livelli ta’ garanziji fuq is-self. It-tielet artiklu jipprovdi l-aspetti ġenerali ta’ l-iżviluppi fil-ħruġ ta’ ishma fiż-żona ta’ l-euro f’dawn l-aħħar tnax-il sena, b’ènfasi partikolari fuq offerti inizjali għall-pubbliku.
lura għall-bidu