Navigation Path: Home > Publications > Monthly Bulletin > Editorials > 2007 > 18 ta' Jannar 2007
Waqt il-laqgħa tiegħu tal-11 ta’ Jannar 2007, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE iddeċieda li, abbażi ta’ l-analiżijiet ekonomiċi u monetarji regolari tiegħu, iżomm ir-rati ewlenin ta’ l-imgħax tal-BĊE kif kienu. L-informazzjoni li saret disponibbli wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tas-7 ta’ Diċembru biex jiżdiedu r-rati ta’ l-imgħax, kompliet issostni l-loġika li wasslet għal din id-deċiżjoni. Dan ikkonferma wkoll il-fatt li hu essenzjali li jiġu ssorveljati mill-qrib ħafna l-iżviluppi kollha biex ir-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju ma jseħħux. Dan se jippermetti li l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fiż-żona ta’ l-euro fuq żmien itwal jinżammu ankrati fis-sod f’livelli li huma konsistenti ma’ l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ankraġġ bħal dan hu prerekwiżit biex il-politika monetarja tkun tista’ tagħmel kontribut kontinwu ħalli ssostni tkabbir ekonomiku sostenibbli u ħolqien ta’ mpjiegi fiż-żona ta’ l-euro. Il-politika monetarja tal-BĊE għadha favorevoli, waqt li r-rati ewlenin ta’ l-imgħax tal-BĊE għadhom baxxi, it-tkabbir tal-flus u tal-kreditu għadu qawwi ħafna, u skond kull kejl plawsibbli, il-likwidità fiż-żona ta' l-euro għadha abbundanti. Għalhekk, meta nħarsu ’l quddiem naraw li hi meħtieġa azzjoni soda u f’waqtha biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju.
Meta nikkunsidraw l-ewwel l-analiżi ekonomika, naraw li t-tkabbir trimestrali tal-PGD reali fiż-żona ta’ l-euro kien ta’ 0.5% fit-tielet trimestru tal-2006, wara tkabbir qawwi ħafna fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet. Id-domanda domestika baqgħet il-forza ewlenija fit-tmexxija tat-tkabbir ekonomiku, u dan ikkonferma t-tifrix antiċipat ta’ l-irkupru u indika n-natura dejjem iżjed sostenibbli minn nfisha ta’ l-espansjoni ekonomika fiż-żona ta’ l-euro. Mit-tagħrif l-iżjed reċenti naraw li l-evidenza ġejja mill-istħarriġ varju dwar il-fiduċja, u l-istimi bbażati fuq l-indikaturi, jsostnu l-istima li kompla t-tkabbir ekonomiku robust u li s-sitwazzjoni fis-swieq tax-xogħol kompliet titjieb. Waqt li tidher xi volatilità fir-rati tat-tkabbir trimestrali madwar it-tmiem tas-sena l-oħra u l-bidu ta’ din is-sena – li kienet assoċjata ma’ l-impatt tal-bidliet fit-taxxi indiretti f’pajjiż kbir taż-żona ta’ l-euro – it-tagħrif disponibbli għadu jaqbel max-xenarju bażi tal-Kunsill Governattiv.
Meta nħarsu ’l quddiem, naraw li l-prospetti għall-attività ekonomika fuq żmien medju għadhom favorevoli u l-kondizzjonijiet biex l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro tikber b’mod sod għadhom hemm, b’rati ta’ madwar il-potenzjal. Dwar l-ambjent estern, nistgħu ngħidu li t-tkabbir ekonomiku globali sar iżjed ibbilanċjat fir-reġjuni kollha, bi ftit tnaqqis fir-ritmu fl-Istati Uniti u bi tkabbir imġedded band’oħra. Kollox ma’ kollox, it-tkabbir globali għandu jibqa’ robust u għalhekk għandu jkompli jsostni l-esportazzjoni taż-żona ta’ l-euro. Id-domanda domestika fiż-żona ta’ l-euro mistennija żżomm ir-ritmu ta’ bħalissa. L-investiment għandu jibqa’ dinamiku, u għandu jgawdi minn perijodu twil ta’ kondizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli ħafna, minn ristrutturar tal-karti tal-bilanċ, u minn qligħ qawwi, kemm akkumulat kemm dak li għadu qed iseħħ, u minn titjib fl-effiċjenza tan-negozju. Il-konsum għandu wkoll jissaħħaħ iżjed tul iż-żmien skond l-iżviluppi fid-dħul reali disponibbli, waqt li l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ikomplu jitjiebu.
Fl-opinjoni tal-Kunsill Governattiv, tul is-snin li ġejjin, fil-biċċa l-kbira se jonqsu r-riskji għal din il-prospettiva li hi ġeneralment favorevoli għat-tkabbir ekonomiku. Ir-riskji ewlenin huma marbuta mal-biża’ li jiżdiedu l-pressjonijiet protezzjonisti, mal-possibbiltà ta’ żieda ġdida fil-prezzijiet taż-żejt, u ma’ tħassib dwar żviluppi mħawda kkawżati mill-iżbilanċi globali.
Dwar l-iżviluppi fil-prezzijiet: skond l-istima preliminari ta’ l-Eurostat, jidher li l-inflazzjoni annwali ta’ l-HICP kienet 1.9% f’Diċembru 2006, jiġifieri baqgħet l-istess bħal fix-xahar ta’ qabel. Minħabba l-volatilità tagħhom f’dawn l-aħħar xhur, u minħabba effetti bażi, il-prezzijiet ta’ l-enerġija se jibqa’ jkollhom rwol importanti fid-definizzjoni tal-profil tar-rati annwali ta’ l-inflazzjoni HICP kmieni fl-2007, flimkien ma’ l-impatt ta’ taxxi indiretti ogħla. Meta nħarsu ’l quddiem, naraw li r-rati annwali ta’ l-inflazzjoni huma pproġettati li jibqgħu madwar 2% tul din is-sena u s-sena d-dieħla.
Fl-opinjoni tal-Kunsill Governattiv, il-prospetti għall-iżviluppi fil-prezzijiet għadhom soġġetti għal riskji ta’ żieda, u dan ġej b’mod partikolari minn trasmissjoni lill-konsumatur taż-żidiet ta’ qabel fil-prezzijiet taż-żejt iżjed qawwija milli kien mistenni, minn żidiet fil-prezzijiet amministrati u t-taxxi indiretti ogħla minn dawk avżati s’issa, u l-possibbiltà ta’ żidiet ġodda fil-prezz taż-żejt. B’mod iżjed fundamentali, minħabba r-ritmu favorevoli tat-tkabbir tal-PGD reali f’dawn l-aħħar ftit trimestri u l-iżviluppi pożittivi fis-swieq tax-xogħol, id-dinamika tal-pagi tista’ tkun iżjed qawwija milli mistenni bħalissa. Għalhekk, hu kruċjali li s-sieħba soċjali jkompli jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom. F’dan il-kuntest, il-ftehim dwar il-pagi għandhom jieħdu kont ta' l-iżviluppi fil-produttività, waqt li jirrikonoxxu l-livell tal-qgħad li għadu għoli u l-pożizzjonijiet dwar il-kompetittività. Kif intqal f’okkażjonijiet preċedenti, hu importanti wkoll li l-ftehim dwar il-pagi jitbiegħdu mill-mekkaniżmi awtomatiċi ta’ indiċizzazzjoni li jħarsu lejn l-imgħoddi.
Dwar l-analiżi monetarja: f’Novembru, it-tkabbir annwali ta’ l-M3 żdied għal 9.3%. Dan jirrappreżenta l-ogħla rata ta’ tkabbir annwali ta’ l-M3 wara l-introduzzjoni ta’ l-euro u, tabilħaqq, dan hu t-tkabbir aggregat l-iżjed qawwi fil-grupp tal-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro mill-1990 ’l hawn. Waqt li l-importanza taċ-ċifri ta’ kull xahar m’għandhiex tiġi esaġerata, minħabba li din tista’ tkun influwenzata wkoll minn fatturi temporanji, is-serje ta’ dejta monetarja qawwija tul l-aħħar xhur tenfasizza l-fatt li l-espansjoni fir-rata bażi tal-flus wiesgħa baqgħet dinamika ħafna fiż-żona ta’ l-euro. Ir-rati ta’ l-imgħax fuq żmien qasir li baqgħu jogħlew, flimkien mar-rati baxxi ta’ l-imgħax fuq żmien twil, kellhom biss influwenza limitata fuq l-iżviluppi monetarji f’dawn l-aħħar xhur. Dan deher prinċipalment bħala forma ta’ ċaqliq bejn il-komponenti ta’ l-M3 iżjed milli bħala xkiel għall-espansjoni ġenerali ta’ l-M3 stess. B’mod partikolari, ir-rata tat-tkabbir annwali ta’ l-M1 immoderat xi ftit f’dawn l-aħħar xhur, u dan irrifletta ċaqliq ta’ depożiti ta’ waqt il-lejl għal komponenti oħra ta’ l-M3 li joffru redditu ogħla.
Kollox ma’ kollox, ir-rata ta’ l-espansjoni monetarja u tal-kreditu għadha rapida, u dan jirrifletti l-livell baxx tar-rati ta’ l-imgħax u t-tisħiħ ta’ l-attività ekonomika fiż-żona ta’ l-euro. B’mod partikolari, ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lis-settur privat kienet ta’ 11.2% f’Novembru, jiġifieri l-istess bħal fix-xahar ta’ qabel. Waqt li fil-kuntest tar-rati ta’ l-imgħax li qed jogħlew, it-tkabbir fis-self lill-individwi deher li kien qed jistabbilizza f’dawn l-aħħar xhur, għalkemm b’rati għolja ħafna, it-tkabbir tas-self mill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji għadu qed jiżdied. B’hekk, il-kreditu għadu qed jespandi bil-ħeffa u b’mod mifrux, u permezz ta’ dan, meta wieħed jarah minn-naħa tal-kontroparti tal-karta tal-bilanċ ta’ l-IFM, jara li għadu l-forza ewlenija fit-tmexxija tat-tkabbir monetarju qawwi ta’ bħalissa.
Minn prospettiva ta’ żmien medju sa itwal, jidher li l-aħħar żviluppi huma konsistenti mal-kontinwazzjoni ta’ xejra persistenti ta’ żieda fir-rata bażi ta’ l-espansjoni monetarja. Wara ħafna snin ta’ tkabbir monetarju qawwi, skond il-miżuri plawsibbli kollha, is-sitwazzjoni tal-likwidità fiż-żona ta’ l-euro hi abbundanti. It-tkabbir qawwi monetarju u tal-kreditu li għadu għaddej f’ambjent ta’ likwidità abbundanti, jindika li hemm riskji ta’ żieda għad-dannu ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju sa itwal. Għalhekk l-iżviluppi monetarji għadhom jeħtieġu sorveljanza b’reqqa kbira, b’mod partikolari fuq l-isfond ta’ kondizzjonijiet ekonomiċi mtejba u ta’ żviluppi li għadhom qawwija fis-suq tal-proprjetà f’bosta nħawi taż-żona ta’ l-euro.
Fil-qosor, nistgħu ngħidu li hu pproġettat li r-rati annwali ta’ l-inflazzjoni se jibqgħu madwar it-2% fis-sentejn li ġejjin, waqt li r-riskji għal din il-prospettiva se jibqgħu għoljin. Minħabba t-tkabbir monetarju u tal-kreditu qawwi ħafna f’ambjent ta’ likwidità li hi diġà abbondanti, verifika tar-riżultat ta’ l-analiżi ekonomika ma’ dik ta’ l-analiżi monetarja ssostni l-istima li, fuq żmien medju sa itwal, ir-riskji għad-dannu ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet se jippersistu. Għalhekk, hu essenzjali li l-iżviluppi kollha jiġu ssorveljati mill-qrib ħafna biex jiġi żgurat li r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju ma jitwettqux. Dan se jippermetti li l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fiż-żona ta’ l-euro fuq żmien itwal jinżammu ankrati fis-sod f’livelli li huma konsistenti ma’ l-istabbiltà tal-prezzijiet. Għalhekk, meta nħarsu ’l quddiem naraw li hi meħtieġa azzjoni soda u f’waqtha biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq żmien medju.
Dwar il-politika fiskali: kważi l-pajjiżi kollha taż-żona ta’ l-euro ppreżentaw il-programmi aġġornati tagħhom dwar l-istabbiltà. Waqt li dawn il-programmi ġeneralment jindikaw li l-gvernijiet qed jippjanaw li jersqu lejn pożizzjonijiet sodi tal-baġit, hemm ukoll indikazzjonijiet li l-miri tal-baġit ma jissuġġerux biżżejjed konsolidament b’mod konsistenti u li miżuri konkreti u kredibbli għad ma ġewx speċifikati fil-programmi kollha. Dawn l-indikazzjonijiet qed iqajmu tħassib u jfissru riskji għall-ġejjieni. Fuq l-isfond taż-żmenijiet tajba ta’ bħalissa, hu essenzjali li jintlaħqu pożizzjonijiet sodi fil-baġit tal-pajjiżi li għandhom żbilanċi fiskali, u li għandu jiġi evitat laxkar pro-ċikliku fil-pajjiżi membri kollha. Barra dan, jeħtieġ li, bħala parti minn strateġija komprensiva fuq żmien medju, il-pajjiżi jtejbu l-kwalità tal-politika tagħhom dwar it-taxxi u l-infiq biex isaħħu l-fiduċja f’ambjent ta’ politika fiskali sostenibbli li tiffavorixxi t-tkabbir u l-impjieg.
Dwar ir-riformi strutturali, f’dawn l-aħħar snin, il-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro qed jagħrfu dejjem iżjed il-ħtieġa li jaġġustaw għall-isfidi ta’ kompettizzjoni globali dejjem tiżdied, iż-żieda ta’ l-anzjani fil-popolazzjoni u l-bidliet teknoloġiċi dejjem iżjed mgħaġġla. Bi tweġiba għal dan, xi wħud għamlu riformi biex joħolqu iżjed opportunitajiet ta’ xogħol. Kemm bħala riflessjoni ta’ dawn ir-riformi kif ukoll bħala riżultat tal-moderazzjoni tal-pagi f’xi pajjiżi, dan l-aħħar iż-żona ta’ l-euro rat dinamiżmu notevoli fit-tkabbir ta’ l-impjieg. Ta’ min jinnota li, fiż-żona ta’ l-euro nħolqu madwar 12-il miljun impjieg fil-perijodu tat-tmien snin wara l-bidu tat-Tielet Stadju ta’ l-UEM. Dan jitqabbel b’mod favorevoli mal-ftit iżjed minn żewġ miljun impjieg ġdid li nħolqu fl-istess grupp ta’ pajjiżi fit-tmien snin ta’ qabel l-1999. Madankollu, il-Kunsill Governattiv jinnota li għad hemm xkiel strutturali sinifikanti u dan jgħin biex wieħed jispjega għaliex ir-rati tal-qgħad għadhom għoljin b’mod li mhux aċċettabbli, u skond standards internazzjonali, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha baxxa. Meta pajjiżi oħra fid-dinja qed iżidu l-kompetittività tas-swieq tagħhom, hu essenzjali li kull pajjiż taż-żona ta’ l-euro jnaqqas kemm jista’ jkun it-tgħawwiġ tas-swieq ikkaġunat mir-regolamenti partikolari tiegħu, u li ż-żona ta’ l-euro kollha tneħħi l-barrieri li għad baqa’ kontra l-integrazzjoni tas-swieq. Dan jitlob l-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi meħtieġa biex tikber l-integrazzjoni tas-swieq, biex tonqos ir-riġidità tas-swieq tax-xogħol u titjieb il-flessibbiltà tal-pagi, ħalli jibqgħu jiġu sostnuti t-tkabbir u l-opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda.
Din il-ħarġa tal-Bullettin ta’ Kull Xahar fiha tliet artikli. L-ewwel artiklu jippreżenta fil-qosor analiżi ta’ l-UE u l-ekonomiji taż-żona ta’ l-euro li żdiedu. It-tieni artiklu janalizza l-iżviluppi fil-karatteristiċi strutturali tas-swieq tax-xogħol fiż-żona ta’ l-euro tul l-aħħar għaxar snin. It-tielet artikolu jeżamina l-espansjoni ekonomika fiċ-Ċina tul l-aħħar ħamsa u għoxrin sena.
lura għall-bidu