Navigation Path: Home > Publications > Monthly Bulletin > Editorials > 2012 > 12 ta' Lulju 2012
Wara l-analiżi regolari tiegħu tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta’ Lulju li jnaqqas ir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Il-pressjoni inflazzjonarja matul il-perjodu rilevanti għall-politika monetarja kompliet titrażżan billi seħħew xi riskji li ġew identifikati minn qabel u li jxaqilbu lejn tnaqqis għall-prospetti ta’ tkabbir fiż-żona tal-euro. Din l-istampa taqbel mar-ritmu bażi tal-espansjoni monetarja li għadu mrażżan. L-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro jibqgħu ankrati fis-sod mal-għan tal-Kunsill Governattiv li r-rati tal-inflazzjoni jinżammu taħt, iżda qrib, 2% għal żmien medju. Fl-istess ħin it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro għadu dgħajjef u l-fiduċja u s-sentiment għadhom ikkundizzjonati minn inċertezza kbira.
L-Eurosistema implimentat kemm miżuri ordinarji kif ukoll miżuri straordinarji fil-politika monetarja. Din il-kombinazzjoni ta’ miżuri għenet fit-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-miżuri straordinarji kollha fejn tidħol il-politika monetarja huma ta’ natura temporanja u l-Eurosistema jibqgħalha l-kapaċità li f’kull każ tiggarantixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju billi taġixxi bis-sod u fil-ħin. Għalhekk fit-22 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni dwar aktar miżuri biex tiżdied id-disponibbiltà tal-garanziji għall-kontropartijiet.
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-analiżi ekonomika, fuq bażi trimestrali ma ġie reġistrat l-ebda tkabbir fil-PDG taż-żona tal-euro f’termini reali fl-ewwel trimestru tal-2012, wara tnaqqis ta’ 0.3% fit-trimestru ta’ qabel. L-indikaturi tat-tieni trimestru tal-2012 juru li t-tkabbir ekonomiku għandu jerġa’ jiddgħajjef u li għandha tikber l-inċertezza. Aktar fil-bogħod, il-Kunsill Governattiv jistenna li l-ekonomija taż-żona tal-euro tkompli tirkupra bil-mod, għalkemm ir-ritmu se jibqa’ mrażżan minħabba għadd ta’ fatturi. B’mod partikolari, it-tensjonijiet f’xi swieq tad-dejn sovran taż-żona tal-euro u l-impatt tagħhom fuq il-kundizzjonijiet tal-kreditu, flimkien mal-proċess tal-aġġustament tal-karti tal-bilanċ fis-setturi finanzjarji u mhux finanzjarji u l-qgħad għoli, huma mistennija jkomplu jolqtu r-ritmu bażi tat-tkabbir.
Ir-riskji għall-prospetti ekonomiċi taż-żona tal-euro jibqgħu jxaqilbu lejn tnaqqis. Dawn ir-riskji huma marbuta b’mod partikolari ma’ żieda fit-tensjonijiet li reġgħu bdew jinħassu f’bosta swieq finanzjarji taż-żona tal-euro u mal-fatt li dawn jistgħu jinxterdu fl-ekonomija reali taż-żona tal-euro. Ir-riskji li jxaqilbu lejn tnaqqis huma marbuta wkoll ma’ żidiet oħra li jista’ jkun hemm fil-prezzijiet tal-enerġija fi żmien medju.
Skont il-kalkoli preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni annwali taż-żona tal-euro mkejla skont l-HICP kienet 2.4% f’Ġunju 2012, l-istess bħax-xahar ta’ qabel. Skont il-prezzijiet tal-kuntratti attwali ta’ xiri fil-ġejjieni għaż-żejt, ir-rati tal-inflazzjoni għandhom ikomplu jonqsu matul l-2012 u jerġgħu jinżlu taħt 2% fl-2013. Fil-perjodu rilevanti għall-politika monetarja, f’ambjent ta’ tkabbir dgħajjef fiż-żona tal-euro u ta’ aspettattivi fit-tul dwar l-inflazzjoni ankrati fis-sod, il-pressjonijiet ta’ bażi fuq il-prezzijiet għandhom jibqgħu moderati.
Meta jitqiesu d-deċiżjonijiet li ħa l-Kunsill Governattiv fil-5 ta’ Lulju, ir-riskji għall-prospetti tal-iżviluppi fil-prezzijiet jibqgħu ġeneralment bilanċjati għal żmien medju. Ir-riskji ewlenin li jxaqilbu lejn tnaqqis huma marbuta mal-impatt ta’ tkabbir aktar dgħajjef milli kien mistenni fiż-żona tal-euro. Ir-riskji li jxaqilbu lejn żieda huma marbuta ma’ aktar żidiet fit-taxxi indiretti, minħabba l-ħtieġa ta’ konsolidament fiskali, u mal-prezzijiet tal-enerġija li għolew aktar milli kien mistenni fi żmien medju.
L-analiżi monetarja turi li r-ritmu bażi tal-espansjoni monetarja baqa’ mrażżan, waqt li l-iżviluppi fi żmien qasir urew sinjali ta’ volatilità. Ir-rata ta’ tkabbir annwali tal-M3 żdiedet għal 2.9% f’Mejju, minn 2.5% f’April u qrib it-3.0% f’Marzu, u dan minħabba li daret ix-xejra u kien hemm dħul ta’ depożiti overnight mill-intermedjarji finanzjarji mhux monetarji (b’mod partikolari, mill-fondi tal-investiment). Barra milli żdiedet il-preferenza għal depożiti b’maturitajiet aktar qosra, dawn il-fatturi sawru wkoll l-iżviluppi tal-M1, bir-rata ta’ tkabbir annwali tiżdied minn 1.8% f’April għal 3.3% f’Mejju.
Ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lis-settur privat (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) naqset għal 0.4% f’Mejju (minn 0.8% f’April). Ir-rati ta’ tkabbir annwali tas-self kemm lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kif ukoll lill-individwi (aġġustata għall-bejgħ tas-self u l-assigurazzjoni b’assi eżistenti) naqsu wkoll f’Mejju għal 0.2% u 1.3% rispettivament, bi flussi negattivi għax-xahar fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Fil-biċċa l-kbira, it-trażżin fit-tkabbir tas-self ġej mill-qagħda ċiklika attwali, il-biża’ kbir mir-riskji u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tal-individwi u tal-intrapriżi li kollha jaffettwaw id-domanda għall-kreditu.
Għall-ġejjieni, hu essenzjali li l-banek ikomplu jissaħħu fejn ikun meħtieġ. Is-solidità tal-karti tal-bilanċ tal-banek għandha tkun fattur importanti biex jiġu faċilitati kemm il-provediment xieraq ta’ kreditu lill-ekonomija kif ukoll in-normalizzazzjoni tal-mezzi kollha ta’ finanzjament.
Fil-qosor, meta wieħed iqis id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-5 ta’ Lulju, l-analiżi ekonomika turi li l-iżviluppi fil-prezzijiet għandhom jibqgħu konformi mal-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju. Kontroverifika mal-indikazzjonijiet mill-analiżi monetarja tikkonferma din l-istampa.
Għal dawk li huma linji politiċi oħra, il-Kunsill Governattiv jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ġunju 2012 biex tittieħed azzjoni dwar it-tensjonijiet fis-swieq finanzjarji, biex tiġġedded il-fiduċja u biex it-tkabbir jerġa’ jieħu r-ruħ. Il-Kunsill Governattiv jaqbel li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandha titqiegħed fuq bażi aktar solida għall-ġejjieni u li t-tkabbir sostenibbli, il-finanzi pubbliċi sodi u r-riformi strutturali biex tingħata spinta lill-kompetittività jibqgħu l-prijoritajiet ekonomiċi ewlenin. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ d-deċiżjoni biex jiġi żviluppat pjan direzzjonali speċifiku u marbut biż-żmien li jwassal għal Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina. Barra dan, il-Kunsill Governattiv jilqa’ l-inizjattiva tas-samit taż-żona tal-euro għal mekkaniżmu superviżorju uniku, il-possibbiltà – bil-kundizzjonijiet xierqa – li l-banek jiġu rikapitalizzati b’mod dirett u l-użu flessibbli u effiċjenti tal-istrumenti attwali tal-EFSF/ESM għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq. Fl-aħħar, il-BĊE hu lest jagħmilha ta’ aġent tal-EFSF/ESM fit-tmexxija tal-operazzjonijiet tas-suq.
Din il-ħarġa tal-Bullettin tax-Xahar fiha żewġ artikoli. L-ewwel artikolu janalizza l-interazzjonijiet bejn il-politika fiskali u dik monetarja fil-UEM u jidentifika l-elementi li jistgħu jtejbu l-qafas tal-linji politiċi. It-tieni artikolu jeżamina l-evoluzzjoni tal-aspettattivi fit-tul dwar l-inflazzjoni għaż-żona tal-euro.
lura għall-bidu