Navigation Path: Home > The European Central Bank > Bini ġdid > Ħarsa ġenerali > Viżjoni
Bħalissa l-impjegati tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jaħdmu fi tliet binjiet diversi fi Frankfurt am Main: il-“Eurotower” (Kaiserstrasse 29); bini użat bħala uffiċċji li qabel kien jintuża mill-Commerzbank (Neue Mainzer Strasse 32–36); u l-“Eurotheum” (Neue Mainzer Strasse 66). Issa għandhom jingħaqdu taħt saqaf wieħed, f'bini ġdid iddisinjat mill-periti Vjenniżi COOP HIMMELB(L)AU. Meta jġorr għall-kwartieri l-ġodda, il-BĊE jkun qed jimxi fuq rakkomandazzjoni li għamlet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha, jiġifieri li fuq żmien twil, ikun ekonomikament iżjed jaqbel li l-istituzzjonijiet ikunu proprjetarji tal-bini tagħhom milli jekk jikru l-ispazju għall-uffiċċji.
Il-funzjonalità u s-sostenibbiltà kienu elementi ewlenin tal-istruzzjonijiet tal-konkors u fil-proċess deċiżjonali tal-ġurija, u għad għandhom rwol importanti fl-ippjanar tal-kwartieri l-ġodda. Id-disinn strutturali u spazjali tal-kwartieri l-ġodda se joħloq ambjent tax-xogħol li jissodisfa diversi ħtiġijiet funzjonali u jiffaċilita komunikazzjoni miftuħa, biex b'hekk titħeġġeġ il-ħidma għalenija u l-interazzjoni f'kull livell. Fl-istess ħin, il-grad tal-flessibbiltà fid-disinn strutturali u spazjali hu tali li jippermetti u jissodisfa tibdil fil-ħtiġijiet.
Il-kwartieri l-ġodda tal-BĊE mhux biss se joħolqu bażi waħdanija għall-attivitajiet operazzjonali tiegħu, iżda se jkunu wkoll simbolu viżibbli tal-identità tal-BĊE.