-
Belt tal-Vatikan

Tema: L-20 Jum Dinji taż-Żgħażagħ iċċelebrat f'Cologne f'Awwissu 2005
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita hemm xbiha tal-Katidral ta’ Cologne b’kometa għaddejja ’l fuq minnu. Il-kliem ‘XX GIORNATA MONDIALE DELLA GIOVENTÙ’ huma mnaqqxa tul it-tarf ta’ fuq tal-parti ċentrali, u huma mifruda permezz tad-denb tal-kometa u żewġ spiri tal-kampnari tal-katidral; waħda mill-ispiri testendi sax-xifer ta' barra tal-munita. Tul ix-xifer ta’ barra fin-naħa ta’ fuq, it-tnax-il stilla, li jiffurmaw nofs ċirku, huma mifrudin fin-naħa ta’ fuq permezz tas-sena tal-ħruġ (2005) u l-marka taz-zekka ‘R’. Taħt ix-xbiha ċentrali tal-katidral, il-kliem ‘CITTÀ DEL VATICANO’ jiffurmaw nofs ċirku tul ix-xifer ta’ barra.
Ammont ta' muniti maħruġa: 100,000 munita
Data tal-ħruġ: Diċembru 2005
-
Italja

Tema: L-ewwel anniversarju ta’ l-iffirmar tal-Kostituzzjoni Ewropea
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita jidhru Ewropa u l-barri; f’idejha Ewropa għandha pinna u t-test tal-Kostituzzjoni Ewropea. Fuq in-naħa tax-xellug, ’l fuq minn din ix-xbiha hemm il-marka taz-zekka ‘R’. L-inizjali ta’ l-intaljatur Maria Carmela Colaneri, ‘MCC’, jidhru fit-tarf t’isfel fuq ix-xellug tal-parti ċentrali tal-munita. Is-sena ta’ l-istampar tidher ’l fuq mir-ras tal-barri fuq il-lemin. Fit-tarf t’isfel tax-xbiha u ftit ’l hinn miċ-ċentru hemm il-monogramma tar-Repubblika Taljana, ‘RI’. Il-kliem ‘COSTITUZIONE EUROPEA’ jiffurmaw nofs ċirku tul iċ-ċirku ta’ barra tal-munita taħt ix-xbiha ċentrali, waqt li tnax-il stilla jidhru tul il-bqija taċ-ċirku ta’ barra.
Ammont ta' muniti maħruġa: 18-il miljun munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2005
-
Finlandja

Tema: Is-60 anniversarju tat-twaqqif tal-Ġnus Maqgħuda u l-50 anniversarju tas-sħubija tal-Finlandja f’din l-Organizzazzjoni
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita hemm l-immaġni ta’ biċċiet ta’ jigsaw puzzle li juru ħamiema tal-paċi.Taħt l-immaġni tal-ħamiema hemm il-kitba ‘FINLAND — UN’ intaljata matul ix-xifer tan-nofs ta’ isfel tal-parti ċentrali tal-munita fuq ix-xellug, waqt li fuq il-lemin hemm is-sena tal-ħruġ. Il fuq mill-aħħar ċifra tas-sena tal-ħruġ, qrib ix-xifer ta’ biċċa mill-jigsaw puzzle, hemm l-ittra ‘K’, li hi l-inizjali ta’ l-intaljatur. Il-marka taz-zekka ‘M’ hi intaljata eżatt taħt l-immaġni tal-ħamiema tal-paċi. Fiċ-ċirku ta’ barra hemm it-12-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea.
Ammont ta' muniti maħruġa: 2 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2005
-
San Marino

Tema: Sena Dinjija tal-Fiżika 2005
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita hemm interpretazzjoni libera tal-kwadru allegoriku ta’ Galileo Galilei magħruf bħala ‘la fisica antica’ jew l-istudju tal-pjaneti. Is-sena tal-ħruġ tidher taħt globu li qiegħed fuq skrivanija. Fuq ix-xellug ta’ l-immaġni hemm il-marka taz-zekka ‘R’, u fuq il-lemin hemm l-inizjali ta’ l-intaljatur ‘LDS’. Il-kliem ‘SAN MARINO’ jiffurmaw nofs ċirku ’l fuq mill-immaġni, waqt li l-kliem ‘ANNO MONDIALE DELLA FISICA’ jidhru madwar ix-xifer ta’ isfel fuq in-naħa ta’ ġewwa. Fiċ-ċirku ta’ barra hemm it-12-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea, separati permezz tat-truf ta’ barra ta’ l-immaġni ta’ atomu stilizzat li hu intaljat fl-isfond tal-munita kollha.
Ammont ta' muniti maħruġa: 130,000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2005
-
Awstrija

Tema: Il-50 anniversarju tat-Trattat ta' l-Istat ta' l-Awstrija
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita tidher riproduzzjoni tal-firem u tas-siġilli li ntużaw fit-Trattat ta' l-Istat ta' l-Awstrija li ġie ffirmat f'Mejju 1955 mill-ministri ta' l-affarijiet barranin u l-ambaxxaturi ta' l-Unjoni Sovjetika, tar-Renju Unit, ta' l-Istati Uniti u ta' Franza, u mill-ministru ta' l-affarijiet barranin Awstrijak Leopold Figl. L-iskrizzjoni ‘50 JAHRE STAATSVERTRAG' tidher 'l fuq mis-siġilli filwaqt li l-annu, ‘2005', jidher taħthom. L-istrixxi vertikali fl-isfond jirrappreżentaw il-kuluri nazzjonali ta' l-Awstrija (aħmar-abjad-aħmar). Madwar iċ-ċirku ta' barra tal-munita jidhru t-tnax-il stilla ta' l-UE.
Ammont ta' muniti maħruġa: mass. 7 miljun munita
Data tal-ħruġ: 11 ta' Mejju 2005
-
Spanja
Tema: Ir-raba’ ċentinarju ta’ l-ewwel edizzjoni tal-ktieb 'The ingenious gentleman Don Quixote of La Mancha' ta’ Miguel de Cervantes.
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita hemm xbiha ta’ Don Quijote b’lanza f’idu, filwaqt li fl-isfond jidhru mtieħen tar-riħ. Fuq in-naħa tax-xellug hemm il-kelma 'ESPAÑA' inċiża fil-wiċċ tal-munita u taħtha tidher il-marka ‘M’ taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita jidhru t-tnax-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea, filwaqt li erbgħa minnhom huma inċiżi fil-wiċċ. Fin-naħa t’isfel tal-munita hemm indikata d-data tal-ħruġ.
Ammont ta' muniti maħruġa: 8 miljun munita
Data tal-ħruġ: April 2005
-
Belġju

Tema: L-Unjoni Ekonomika tal-Belġju u l-Lussemburgu
Deskrizzjoni: Ix-xbihat tal-Gran Duka Henri tal-Lussemburgu u tar-Re Albert II tal-Belġju jidhru mill-profil (mill-lemin għax-xellug) fiċ-ċentru tal-munita, fuq l-annu ‘2005'. L-inizjali ta' l-intaljatur, ‘LL', jidhru iżjed l-isfel lejn il-lemin. Madwar iż-żewġ xbihat u l-annu hemm it-tnax-il stilla ta' l-UE kif ukoll il-monogrammi tal-Gran Duka Henri fuq ix-xellug u tar-Re Albert II fuq il-lemin. Il-marki taz-zekka jidhru bejn żewġ stilel fil-parti t'isfel tal-munita.
Ammont ta’ muniti maħruġa: mass. 6 miljun munita
Data tal-ħruġ: Marzu/April 2005
-
Lussemburgu

Tema: Għeluq il-ħamsin sena tal-Gran Duka Henri, il-ħames anniversarju minn meta laħaq re u l-mitt anniversarju tal-mewt tal-Gran Duka Adolphe
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita hemm l-effiġja tal-Gran Duka Henri, fi profil li jħares lejn il-lemin u fuqha hemm l-effiġja tal-Gran Duka Adolphe. ’L fuq mill-effiġji jidher il-kliem ‘GRANDS-DUCS DE LUXEMBOURG’. L-isem ‘HENRI’, li jidher ’l fuq minn ‘*1955’, u l-isem ‘ADOLPHE’, li jidher ’l fuq minn ‘†1905’, huma mnaqqxa taħt l-effiġji rispettivi. Fuq iċ-ċirku ta’ barra tal-munita, it-12-il stilla ta’ l-UE li hemm madwar id-disinn jinsabu qalb l-ittri tal-kelma ‘LËTZEBUERG’ u s-sena tal-ħruġ, 2005, waqt li din ta’ l-aħħar tinsab fiċ-ċentru taħt l-effiġji, u fuq in-naħa tax-xellug tagħha hemm l-ittra ‘S’ u fuq il-lemin hemm il-logo taz-zekka.
Ammont ta’ muniti maħruġa: mass. 2.8 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2005
-