Is-sensiela tal-muniti tal-euro fiha tmien denominazzjonijiet diversi: 1, 2, 5, 10, 20 u 50 ċenteżmu, €1 u €2. Il-muniti tal-euro għandhom naħa komuni u naħa nazzjonali. In-naħa nazzjonali tindika l-pajjiż li jkun ħareġ il-munita.
Tista’ tuża kwalunkwe munita tal-euro kullimkien fiż-żona tal-euro.
Pajjiżi taż-żona tal-euro (mappa interattiva)
In-naħat komuni tal-muniti ġew iddisinjati mis-Sur Luc Luycx li hu miz-Zekka Rjali Belġjana. Dawn fihom xbihat tal-Unjoni Ewropea jew tal-Ewropa u jissimbolizzaw l-għaqda tal-UE. Ara n-naħat komuni
In-naħat nazzjonali fihom disinji speċifiċi tal-pajjiżi, li madwarhom hemm it-12-il stilla tal-Unjoni Ewropea. Ara n-naħat nazzjonali
Jekk għandek xi munita ta' €2 b'naħa nazzjonali mhix tas-soltu, din tista' tkun munita kommemorattiva. iżjed
B'differenza mill-karti tal-flus, il-muniti tal-euro huma fil-kompetenza nazzjonali u mhux tal-BĊE. Jekk pajjiż taż-żona tal-euro jkun bi ħsiebu joħroġ munita b'disinn ġdid – bħal per eżempju munita kommemorattiva ta' €2 għandu jgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-oħra bil-quddiem. Il-Kummissjoni tiċċekkja li d-disinn il-ġdid ikun konformi mal-linji gwida u mbagħad tippubblika t-tagħrif fuq il-websajt tagħha. Il-Kummissjoni hi s-sors awtorevoli li fuqu l-BĊE jibbaża l-aġġornamenti dwar il-muniti tal-euro fil-websajt tiegħu.
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar il-muniti tal-euro, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:
Kummissjoni Ewropea
Direttorat-Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
Unità R-4 Komunikazzjoni esterna, BU-1 4/168
B-1049 Brussell, il-Belġju
Eċċess ta' muniti u karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni jista' jwassal għall-inflazzjoni. Dan hu eżattament dak li l-BĊE jixtieq jikkontrolla billi jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Għalhekk, il-BĊE hu responsabbli biex japprova l-volum ta' muniti li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jistgħu joħorġu. Fil-każ tal-karti tal-flus, il-BĊE jawtorizza kemm il-ħruġ kif ukoll il-volum tal-ħruġ. Hu l-uniku korp intitolat li jagħmel dan. iżjed