-
Belt tal-Vatikan

Tema: Il-ħames Ċentinarju tal-Gwardja Svizzera Pontifikali
Deskrizzjoni: Fuq il-munita hemm gwardja Svizzera li qed tieħu l-ġurament tal-lealtà lejn il-Papa. Il-kitba ‘GUARDIA SVIZZERA PONTIFICIA’ tifforma nofs ċirku madwar il-gwardja, waqt li ’l isfel mill-bandiera hemm l-isem ta’ l-istat li qed joħroġ il-munita, ‘CITTÀ DEL VATICANO’. Fuq ix-xellug, ’l fuq mill-firma ta’ l-intaljatur ‘O. ROSSI’ tul l-arblu tal-bandiera hemm is-sena ‘1506’. Fuq il-lemin , ’l fuq mill-marka taz-zekka ‘R’, hemm is-sena ‘2006’. Tul ix-xifer ta’ barra hemm it-12-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea.
Ammont ta’ muniti maħruġa: mass. 100,000 munita
Data tal-ħruġ: Novembru 2006
-
San Marino

Tema: Il-500 anniversarju tal-mewt ta’ Kristofru Kolombu
Deskrizzjoni: Fuq il-munita jidher Kristofru Kolombu u t-tliet karavelli. Il-kitba ‘San Marino’ tidher ’l fuq mir-ritratt tiegħu, flimkien ma’ warda tar-rjieħ u l-marka taz-zekka ‘R’ fuq il-lemin. Id-dati ‘1506 – 2006’ jidhru fuq skroll taħt ir-ritratt tiegħu. It-12-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea jidhru madwar id-disinn.
Ammont ta’ muniti maħruġa: 120,000 munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2006
-
Finlandja

Tema: Il-100 anniversarju tad-dritt tal-vot universali u ugwali
Deskrizzjoni: Fil-parti ta’ ġewwa tal-munita jidhru l-uċuħ ta’ raġel u mara mifruda b’linja. Fuq ix-xellug tagħhom hemm id-data ‘1.10.1906’, u fuq il-lemin tagħhom ‘20 FI 06’, is-sena tal-ħruġ bit-taqsira tal-Finlandja, FI. Il-marka taz-zekka ‘M’ tidher ħdejn kull wieħed miż-żewġ uċuħ. It-12-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea jidhru tul ix-xifer ta’ barra tal-munita.
Ammont ta’ muniti maħruġa: mass. 2.5 miljun munita
Data tal-ħruġ: Ottubru 2006
-
Belġju

Tema: L-Atomium
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita tidher xbiha ta’ Atomium u fuq il-lemin tagħha hemm l-inizjali ta’ l-intaljatur, ‘LL’. Fejn il-bażi jidhru żewġ marki taz-zekka. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ittra ‘B’ u s-sena ta’ l-istampar, ‘2006’.
Ammont ta’ muniti maħruġa: 5 miljun munita
Data tal-ħruġ: April 2006
-
Ġermanja

Tema: Schleswig-Holstein
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita jidher il-Holstentor, bieb-il belt simbolu ta’ Lübeck, u taħtu hemm il-kelma ‘Schleswig-Holstein’, l-ewwel mis-16-il stat federali tal-Ġermanja li qed jiġi mfakkar fuq munita ta’ l-euro. L-inizjali ta’ l-intaljatur ‘HH’ jidhru fuq il-lemin tax-xbiha u fuq ix-xellug hemm il-marki taz-zekka ‘A’, ‘D’, ‘F’, ‘G’ jew ‘J’, skond iz-zekka. Is-sena ta’ l-istampar, 2006, it-12-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea u l-kliem ‘Bundesrepublik Deutschland’ jidhru tul ix-xifer ta’ barra.
Ammont ta’ muniti maħruġa: 30 miljun munita
Data tal-ħruġ: Frar 2006
-
Italja

Tema: L-XX Logħob Olimpiku tax-Xitwa – Turin 2006
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita hemm xbiha ta’ skijer, figura dinamika u kurvilineari. ’Il fuq minn din ix-xbiha hemm il-kliem ‘GIOCHI INVERNALI’ u fuq in-naħa tax-xellug tagħha tidher il-kelma ‘TORINO’, il-post fejn sar il-Logħob tax-Xitwa, flimkien mal-bini għeliem ta’ Turin, il-Mole Antonelliana. Il-monogramma tar-Repubblika Taljana ‘RI’ u l-marka taz-zekka ‘R’ jidhru wkoll fuq ix-xellug ta’ l-iskijer. Fuq il-lemin tiegħu jidhru s-sena tal-ħruġ, 2006, u l-inizjali tad-disinjatur ‘MCC’ (Maria Carmela Colaneri). It-12-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea jidhru madwar id-disinn.
Ammont ta’ muniti maħruġa: 40 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar-Frar 2006
-
Lussemburgu

Tema: Għeluq il-25 sena tal-Gran Duka Guillaume, eredi tat-tron
Deskrizzjoni: Fiċ-ċentru tal-munita, fuq l-effiġja tal-Gran Duka Guillaume hemm dik tal-Gran Duka Henri. Is-sena tal-ħruġ, 2006, tidher taħt iż-żewġ effiġji; ħdejha fuq naħa waħda hemm l-ittra ‘S’ u fuq in-naħa l-oħra hemm il-marka taz-zekka. Il-kelma ‘LËTZEBUERG’ tidher ’l fuq miż-żewġ effiġji. It-tnax-il stilla ta’ l-Unjoni Ewropea jidhru fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita.
Ammont ta’ muniti maħruġa: 1.1 miljun munita
Data tal-ħruġ: Jannar 2006
-