Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
April 2012
Operazzjonijiet tas-Suq
Rekwiżiti ta’ tagħrif għal modifiki ta’ titoli koperti b’assi
Fl-4 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv approva rekwiżiti supplimentari ta’ tagħrif għal modifiki ta’ titoli koperti b’assi (ABS). Il-kontropartijiet, li se tingħatalhom l-informazzjoni mill-banek ċentrali rispettivi ta’ pajjiżhom li lejhom huma responsabbli, għandhom jgħarrfu l-Eurosistema: (i) xahar bil-quddiem, dwar kwalunkwe modifika li jkunu biħsiebhom jagħmlu għall-ABS li jkunu preżentaw bħala garanzija; u (ii) mal-preżentazzjoni tal-ABS, dwar kwalunkwe modifika li tkun saret lill-ABS fis-sitt xhur ta’ qabel il-preżentazzjoni tagħhom, jekk l-ABS ikunu għal użu proprju (“ own-used”).
Konformità ta’ strumenti ta’ klassifikazzjoni ta’ terza parti mad-definizzjoni ta’ default skont Basel II
Fl-4 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-istrumenti ta’ klassifikazzjoni li ma jkunux konformi mad-definizzjoni ta’ default skont Basel II sal-31 ta’ Mejju 2012 se jiġu esklużi bħala sorsi għall-qafas tal-Eurosistema għall-valutazzjoni tal-kreditu (ECAF) sakemm isiru konformi.
Aċċettazzjoni ta’ Creditreform Rating AG bħala strument ta’ klassifikazzjoni għall-finijiet tal-qafas tal-Eurosistema għall-valutazzjoni tal-kreditu
Fl-4 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-istrument ta’ klassifikazzjoni ta’ Creditreform Rating AG għall-użu fi ħdan l-ECAF. Il-lista sħiħa ta’ sistemi aċċettati mill-Eurosistema għall-finijiet tal-ECAF tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq
Valutazzjoni ta’ link dirett ġdid bejn is-sistemi ta’ saldu ta’ titoli fiż-żona tal-euro
Fit-3 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà tal-link dirett bejn BOGS, is-sistema Griega ta’ saldu ta’ titoli, u Clearstream Banking AG – CASCADE biex jintuża għall-kollateralizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Stqarrija għall-istampa dwar dan ġiet ippubblikata fil-websajt tal-BĊE fil-5 ta’ April 2012. Il-lista aġġornata tal-links eliġibbli kollha kemm diretti kif ukoll trażmessi tinsab ukoll fil-websajt tal-BĊE.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar it-twaqqif tal-Bord tat-TARGET2-Securities (T2S)
Fid-29 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord T2S u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2009/6. Id-Deċiżjoni, li tinkludi l-mandat tal-Bord T2S (Anness I), ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (Anness II), il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tiegħu (Anness III) u l-proċeduri u r-rekwiżiti għall-għażla, il-ħatra u s-sostituzzjoni tal-membri tal-Bord T2S li ma jaħdmux ma’ banek ċentrali (Anness IV), tinsab fil-websajt tal-BĊE u ma ddumx ma tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Reazzjoni tal-Eurosistema għall-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea “Towards an integrated European market for card, internet and mobile payments”
Fit-23 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv approva abbozz ta’ tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea “Towards an integrated European market for card, internet and mobile payments” li għandha l-għan li tevalwa l-istampa attwali tal-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mobajl fl-Ewropa, in-nuqqasijiet tagħha vis-à-vis l-viżjoni ta’ suq tal-pagamenti integrat għalkollox u l-ostakli li jwasslu għal dawn in-nuqqasijiet. Il-kontribut tal-Eurosistema ġie ppubblikat fis-26 ta’ Marzu 2012 fil-websajt tal-BĊE.
Konsultazzjoni pubblika tal-BĊE dwar ir-rakkomandazzjonijiet għas-sigurtà tal-pagamenti bl-internet
Fil-11 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jniedi konsultazzjoni pubblika, li tibqa’ miftuħa xahrejn, dwar “Rakkomandazzjonijiet għas-sigurtà tal-pagamenti bl-internet”, imħejjija mill-forum Ewropew għas-sigurtà tal-pagamenti tal-massa, li twaqqaf fis-sura ta’ kooperazzjoni volontarja bejn is-sorveljanti u s-superviżuri rilevanti tal-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti. Hu previst li r-rakkomandazzjonijiet proposti jiġu implimentati mill-parteċipanti fis-swieq sal-1 ta’ Lulju 2014. Id-dokumentazzjoni dwar dan, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġiet ippubblikata fl-20 ta’ April 2012 fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar (i) proposta għal direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tħassar id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ii) proposta għal regolament dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda r-Regolament [EMIR] dwar id-derivati OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, (iii) proposta għal direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali għall-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u (iv) proposta għal regolament dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq)
Fit-22 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/21 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fis-Slovenja
Fit-28 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/22 wara talba tal-Banka Slovenije.
Proċedura ġdida għall-eżerċizzju tas-sehem konsultattiv tal-BĊE dwar l-abbozz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-UE
Fid-29 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv approva proċedura riveduta, żviluppata b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) li għadhom kemm twaqqfu, għall-eżerċizzju tas-sehem konsultattiv tal-BĊE dwar l-abbozz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-UE. Il-BĊE għandu jipprovdi, tal-anqas kull trimestru, valutazzjoni tal-miżuri maħsuba għas-settur finanzjarju li jiġu proposti mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-ASE. Jekk il-valutazzjoni tidentifika l-ħtieġa ta’ konsultazzjoni formali skont l-Artikolu 127(4) jew l-Artikolu 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE jista’ jew jitlob li jiġi kkonsultat jew jadotta l-opinjoni tiegħu b’inizjattiva proprja.
Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ implimentazzjoni relatati mar-rikapitalizzazzjoni fil-Portugall
Fit-30 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/23 wara talba tal-Ministru tal-Istat u tal-Finanzi Portugiż.
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu u proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu
Fit-2 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/24 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Greċja
Fil-5 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/25 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg.
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-Liġi dwar il-Magyar Nemzeti Bank
Fil-5 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/26 wara talba tal-Ministeru Ungeriż għall-Ekonomija Nazzjonali.
Opinjoni tal-BĊE dwar ipoteki f'munita barranija u ftehim ta’ self fuq proprjetà residenzjali fl-Ungerija
Fil-5 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/27 wara talba tal-Ministeru Ungeriż għall-Ekonomija Nazzjonali.
Opinjoni tal-BĊE dwar bonds koperti Belġjani u dwar miżuri li jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni ta’ klejms ta’ kreditu
Fil-5 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/28 wara talba tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-fond tal-Istat għall-garanzija tal-istabbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet tal-istat
Fit-13 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/29 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Bulgaru.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-Fond tal-Garanzija tad-Depożiti u r-reġim għar-riżoluzzjoni tal-banek
Fis-16 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/30 wara talba tal-Ministeru Daniż għall-Affarijiet tal-Kummerċ u t-Tkabbir.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-Istatut tal-Bank tal-Greċja
Fis-16 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/31 wara talba tal-Bank tal-Greċja.
Statistika
Kunfidenzjalità dwar il-ġbir ta’ tagħrif tal-istatistika
Fis-16 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv approva r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar il-miżuri adottati biex iħarsu l-kunfidenzjalità tat-tagħrif tal-istatistika msemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 (kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) 951/2009) dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-BĊE. Ir-rapport fil-qosor jinsab fil-websajt tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banque de France
Fit-23 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2012/5 lill-Kunsill dwar l-awdituri esterni tal-Banque de France. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Twaqqif ta’ Kumitat għall-Kontroll (COMCO)
Fit-18 ta’ April 2012 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni, bil-ħsieb li jkompli jtejjeb is-sostenn provdut mill-funzjoni tal-kontroll finanzjarju għat-tħejjija u t-tmexxija tal-proġetti tal-Eurosistema, li jibdel il-Kumitat tal-Eurosistema għall-Metodoloġija tal-Ispiża f’Kumitat għall-Kontroll (COMCO).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja