Navigation Path: Home > The European Central Bank > Organizzazzjoni > Responsabbiltà
L-indipendenza tal-banek ċentrali issa ilha stabbilita għal dawn l-aħħar snin bħala element indispensabbli tas-sistemi tal-politika monetarja ta' ekonomiji maturi u emerġenti. Id-deċiżjoni li tagħti l-indipendenza lill-banek ċentrali hija msejsa fis-sod fit-teorija ekonomika u l-evidenza empirika, li t-tnejn juru li din l-istruttura twassal għaż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet (ara l-artikolu bl-Ingliż fil-Bullettin tax-Xahar ta' Novembru 2002 "The accountability of the ECB" ).
Il-BĊE hu indipendenti fil-mod kif iwettaq il-mandat u d-dmirijiet tiegħu. Fl-istess ħin, wieħed mill-prinċipji fundamentali tas-soċjetajiet demokratiċi hu li kull istituzzjoni indipendenti li jkollha funzjoni pubblika għandha tinżamm responsabbli lejn iċ-ċittadini u r-rappreżentanti eletti tagħhom għal dik li hi t-tmexxija tal-politika tagħha. Għalhekk ir-responsabbiltà hija kontroparti importanti tal-indipendenza tal-banek ċentrali.
Il-BĊE ta prova tal-impenn tiegħu lejn ir-responsabbiltà meta ħa d-deċiżjoni li jmur lil hinn mill-obbligi statutarji fir-rappurtar regolari tiegħu. Hekk, il-BĊE jippubblika Bullettin tax-Xahar minflok rapport kull tliet xhur kif hu mitlub jagħmel, waqt li l-membri tal-Kunsill Governattiv sikwit jitħaddtu dwar suġġetti rilevanti li jolqtu lill-pubbliku. Barra dan, il-President u l-Viċi President tal-BĊE jfissru bir-reqqa l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar il-qagħda ekonomika u r-raġunament għad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tiegħu f'konferenzi stampa regolari li jsiru eżatt wara l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Governattiv kull xahar.
Skont l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, dan tal-aħħar irid jippubblika rapporti kull tliet xhur dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ kif ukoll rapport finanzjarju konsolidat kull ġimgħa. Barra dan, il-BĊE jrid iħejji Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ u dwar il-politika monetarja tas-sena ta’ qabel u tas-sena kurrenti. Ir-Rapport Annwali jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew.
Biex jimxi ma' dak li jgħid l-Istatut, il-BĊE jippubblika
Barra dawn, il-BĊE joħroġ bosta pubblikazzjonijiet oħra dwar oqsma partikolari tal-ħidma tiegħu.
Wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-Parlament Ewropew, li jikseb il-leġittimità tiegħu direttament mingħand iċ-ċittadini tal-UE, hu li jżomm lill-BĊE responsabbli.
Sa minn meta twaqqaf, il-BĊE dejjem iddjaloga mill-qrib u b'mod siewi mal-Parlament Ewropew. Il-President tal-BĊE jirrapporta regolarment dwar il-politika monetarja tal-BĊE u d-dmirijiet l-oħra tiegħu fis-seduti ta' smigħ tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew li jsiru kull tliet xhur. Membri oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jidhru wkoll quddiem il-Parlament Ewropew biex jitkellmu dwar kwistjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, il-BĊE jwieġeb mistoqsijiet bil-miktub li jsiru mill-Membri tal-Parlament Ewropew, li mbagħad jixxandru flimkien mat-tweġibiet tal-BĊE fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Wieħed mill-obbligi ta' rappurtar tal-BĊE jitlob li l-President jidher ukoll quddiem is-sessjoni plenarja tal-Parlament biex jippreżenta r-Rapport Annwali tal-BĊE. Normalment il-Parlament jadotta riżoluzzjoni dwar dan ir-rapport.
Isiru wkoll diskussjonijiet informali bejn esperti li jirrappreżentaw lill-BĊE u l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-politika tal-BĊE u oqsma oħra fejn il-BĊE għandu kompetenza speċifika.