L-euro daħal fl-1 ta' Jannar 1999 meta sar il-munita ta' iżjed minn 300 miljun ruħ fl-Ewropa. Għall-ewwel tliet snin l-euro kien munita inviżibbli użata biss għall-għanijiet ta' kontabilità, e.g. f'pagamenti elettroniċi. Bħala flus kontanti l-euro ma daħalx qabel l-1 ta' Jannar 2002 meta, b'rati fissi ta' konverżjoni, ħa post il-karti tal-flus u l-muniti nazzjonali, bħall-frank Belġjan u l-mark Ġermaniż.
Illum il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro huma valuta legali fi 17 mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom id-dipartimenti, it-territorji u l-gżejjer barranin li huma biċċa mill-pajjiżi taż-żona tal-euro, jew huma assoċjati magħhom. Dawn il-pajjiżi jiffurmaw iż-żona tal-euro. L-istati ċkejknin ta' Monako, San Marino u l-Belt tal-Vatikan għandhom arranġament formali mal-Unjoni Ewropea biex jużaw l-euro, waqt li Andorra, il-Montenegro u l-Kosovo, għalkemm ukoll jużaw l-euro, m'għandhom l-ebda arranġament formali.
| € | Munita |
|---|---|
| 1 | BEF 40.3399 (frank Belġjan) |
| 1 | DEM 1.95583 (mark Ġermaniż) |
| 1 | EEK 15.6466 (kroon Estonjan) |
| 1 | IEP .787564 (lira Irlandiża) |
| 1 | GRD 340.750 (drakma Griega) |
| 1 | ESP 166.386 (peżeta Spanjola) |
| 1 | FRF 6.55957 (frank Franċiż) |
| 1 | ITL 1936.27 (lira Taljana) |
| 1 | CYP 0.585274 (lira Ċiprijotta) |
| 1 | LUF 40.3399 (frank Lussemburgiż) |
| 1 | MTL 0.429300 (lira Maltija) |
| 1 | NLG 2.20371 (guilder Olandiż) |
| 1 | ATS 13.7603 (schilling Awstrijak) |
| 1 | PTE 200.482 (escudo Portugiż) |
| 1 | SIT 239.640 (tolar Sloven) |
| 1 | SKK 30.1260 (koruna Slovakka) |
| 1 | FIM 5.94573 (markka Finlandiża) |
Il-karti tal-flus (u l-muniti) tal-euro jiċċirkolaw ġmielhom fiż-żona tal-euro l-aktar minħabba t-turiżmu, is-safar għan-negozju u x-xiri transkonfinali. Qabel daħal l-euro l-karti tal-flus nazzjonali wkoll “kienu jiċċaqalqu” bejn il-fruntieri, għalkemm b'mod iżjed limitat, iżda mbagħad kien ikollhom “jerġgħu lura” lejn il-bank ċentrali li jkun ħariġhom, prinċipalment permezz tas-sistema bankarja kummerċjali. Dan m'hemmx għalfejn isir fil-każ tal-euro. Madankollu, billi kwantitajiet kbar ta' karti tal-flus tal-euro ma jibqgħux fil-pajjiż li jkun ħariġhom iżda jmorru f'pajjiżi oħra taż-żona tal-euro u jintefqu hemm, il-banek ċentrali jkollhom jerġgħu jqassmuhom biex jevitaw li f'pajjiż ikun hemm nuqqas ta' karti tal-flus waqt li f'pajjiż ieħor ikun hemm iżżejjed. Il-BĊE jikkoordina ċentralment u jiffinanzja dawn it-trasferimenti f'daqqa.
Sa minn meta daħal l-euro fl-2002 il-valur u l-għadd ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni żdiedu sew. Il-flus kontanti huma bil-bosta l-mezz li jintuża l-aktar għall-ħlas fi tranżazzjonijiet żgħar fiż-żona tal-euro bħala għadd ta' tranżazzjonijiet, għalkemm bħala valur il-proporzjon jonqos sew. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, is-sehem tal-flus kontanti qiegħed jonqos ftit ftit f'dawn l-aħħar snin waqt li l-użu tal-karti tad-debitu u tal-kreditu qiegħed jiżdied u hu mistenni li din ix-xejra tkompli.
Bħala strument ta' ħlas il-flus kontanti għandhom karatteristiċi uniċi:
Minħabba dawn il-karatteristiċi s-soċjetà mhix lesta tgħaddi mingħajrhom. Il-flus kontanti se jibqgħu indispensabbli bħala strument ta' ħlas għal bosta snin fil-ġejjieni.
Wieħed mid-dmirijiet bażiċi tal-Eurosistema skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) hu li tiffavorixxi l-operat bla tfixkil tas-sistema ta' pagamenti. L-Eurosistema hi newtrali fejn jidħlu l-istrumenti ta' ħlas differenti. M'għandhiex preferenzi bejn strument u ieħor. Madankollu, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom responsabbiltà speċjali fejn jidħlu l-flus kontanti billi huma dawk li uffiċjalment joħorġu l-karti tal-flus tal-euro. Barra dan, il-biċċa l-kbira minnhom idaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni l-muniti tal-euro li jinħarġu mill-Istati Membri. Għalhekk, l-Eurosistema għandha d-dmir li ssostni l-flus kontanti bħala mezz ta' ħlas li hu disponibbli b'mod ġenerali, faċli biex jintuża, affidabbli u effiċjenti għal tranżazzjonijiet żgħar. Fl-ambitu tal-kompetenza tagħha l-Eurosistema tissorvelja s-sikurezza, is-saħħa u l-effiċjenza taċ-ċikli tal-flus kontanti fiż-żona tal-euro u dejjem tfittex li ttejjibhom.
F'April 2001 il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ħa d-deċiżjoni li l-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro kellha tkun deċentralizzata u miġbura wara l-bidla inizjali tal-flus kontanti. Għalhekk mill-2002 'l hawn kull bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro ġie allokat sehem mit-total annwali tal-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro għal ċerti denominazzjonijiet. Il-banek iħallsu l-ispejjeż tal-produzzjoni għas-sehem allokat.
F'Settembru 2002 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jistabbilixxi Stokk Strateġiku tal-Eurosistema (SSE). Dan l-istokk hu maħsub biex jintuża f'ċirkostanzi eċċezzjonali, i.e. meta l-istokks loġistiċi fl-Eurosistema ma jkunux biżżejjed biex ikopru żieda mhux mistennija fid-domanda għall-karti tal-flus jew meta f'daqqa waħda jkun hemm interruzzjoni fil-provvista.
L-istokks loġistiċi u strateġiċi jiżguraw li l-banek ċentrali nazzjonali jkunu kapaċi jilqgħu għal tibdil fid-domanda għall-karti tal-flus f'kull ħin mingħajr ma joqogħdu jaraw jekk id-domanda tkunx ġejja minn ġewwa jew minn barra ż-żona tal-euro. L-istokks loġistiċi jissodisfaw id-domanda għall-karti tal-flus f'ċirkostanzi normali biex
Għad-dettalji ara l-Qafas legali mt.
lura għall-biduQegħdin isiru tħejjijiet għat-tieni sensiela tal-karti tal-flus tal-euro. Il-karti tal-flus il-ġodda se jkollhom karatteristiċi tas-sigurtà li huma faċli biex tarahom u diffiċli biex tiffalsifikahom, bħal dawk tas-sensiela attwali, iżda se jkunu iżjed sofistikati biex ikunu aktar avvanzati mit-teknoloġija tal-istampar u tar-riproduzzjoni tax-xbihat li bħalissa huma disponibbli għal dawk li jipproduċu l-flus foloz.
Hu maħsub li l-ewwel denominazzjoni tat-tieni sensiela tidħol sa ftit snin oħra. L-oħrajn jidħlu warajha minn żmien għal żmien u fl-aħħar jieħdu post is-sensiela attwali. Il-karti tal-flus il-ġodda se jibqa' jkollhom l-elementi tad-disinn "żminijiet u stili tal-Ewropa" biex in-nies ikunu jistgħu jagħrfuhom bla tbatija.
lura għall-biduLegalment kemm il-BĊE kif ukoll il-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro għandhom id-dritt joħorġu l-karti tal-flus tal-euro. Fil-prattika huma l-banek ċentrali nazzjonali biss li fiżikament joħorġu u jirtiraw il-karti tal-flus (u l-muniti) tal-euro. Il-BĊE m’għandux uffiċċju tal-flus kontanti u mhux imdaħħal fl-operazzjonijiet tal-flus kontanti. Fejn jidħlu l-muniti tal-euro l-entitajiet legali li joħorġuhom huma l-pajjiżi taż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni Ewropea tikkoordina kull m'għandu x'jaqsam mal-muniti fil-livell taż-żona tal-euro. Għal iktar tagħrif ara websajt tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-BĊE hu responsabbli għas-sorveljanza tal-attivitajiet tal-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) u għat-tkattir tal-armonizzazzjoni tas-servizzi tal-flus kontanti fiż-żona tal-euro, waqt li l-BĊN huma responsabbli għat-tħaddim tas-sistemi nazzjonali għat-tqassim tal-flus kontanti. Il-BĊN joħorġu l-karti tal-flus u l-muniti għaċ-ċirkolazzjoni permezz tas-sistema bankarja u, b'mod iżjed limitat, bis-saħħa tal-kummerċ normali. Il-BĊE ma jistax iwettaq dawn l-operazzjonijiet minħabba li m'għandux dipartimenti tekniċi bħal taqsimiet ta' distribuzzjoni, taqsimiet għall-ipproċessar tal-karti tal-flus, kmamar tas-sigurtà, u l-bqija.
lura għall-bidu