Navigation Path: Home > L-Euro > Karti tal-flus > Ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus
It-tabelli fuq il-lemin juru l-bidla fil-valur u fl-għadd totali tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni bejn l-2002 u tmiem l-2010.
It-Tabella 1 turi ż-żieda fil-valur – il-linja ta' tikek ħomor – tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni minn meta ġew introdotti f’Jannar 2002. Fi tmiem l-2010 laħqu valur ta’ €840 biljun.
It-Tabella 2 turi ż-żieda fl-għadd tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni – il-linja ta' tikek ħomor. Fi tmiem Diċembru 2010, kien hemm 14-il biljun karta tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni. Dan l-għadd jinkludi wkoll dawk maħżuna fil-banek bħala tfaddil.
Wara l-introduzzjoni tal-flus kontanti tal-euro fl-2002, il-valur u l-għadd tal-karti tal-flus baqa’ jiżdied b’mod konsistenti iżda r-rati taż-żieda bdew jonqsu bil-mod – b’eċċezzjoni waħda. F’Ottubru 2008 kien hemm żieda evidenti wara l-falliment tal-Lehman Brothers u meta l-kriżi finanzjarja baqgħet sejra għall-agħar. Ħafna nies ġibdu l-flus mill-kontijiet tat-tfaddil tagħhom. B’hekk, il-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni f’Ottubru 2008 għola f’daqqa b’€35-€40 biljun oħra.
Fl-2009 il-qagħda ġiet għan-normal. Wieħed jinnota b’interess li l-karti tal-flus addizzjonali li daħlu fiċ-ċirkolazzjoni fl-2008 għadhom ma daħlux lura għand il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Dan juri li n-nies, kemm ġewwa kif ukoll barra ż-żona tal-euro, għadhom ma telquhomx minn idejhom.
Bl-istess mod, il-valur u l-għadd tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni baqa’ jiżdied b’mod kostanti mill-2002. Fi tmiem l-2010, kien hemm 93 biljun munita b’valur ta’ €22 biljun fiċ-ċirkolazzjoni. Is-sehem tal-muniti ta’ valur baxx (il-muniti ta’ 1ċ, 2ċ u 5ċ) baqa’ jiżdied b’mod kostanti u ammonta għal 60% tal-muniti kollha fiċ-ċirkolazzjoni.
Mis-seba’ denominazzjonijiet tal-karti tal-flus tal-euro, l-aktar li jintużaw għall-ħlasijiet ta’ kuljum huma l-karti ta' valur baxx u medju. Dawn normalment jinħarġu permezz tal-kaxxiera awtomatiċi (ATMs). Meta jużaw l-ogħla denominazzjonijiet (€200, €500) in-nies jistgħu jżommu somom kbar fi flus kontanti. Iservu l-aktar bħala maħżen ta' valur, iżda jintużaw ukoll biex jinxtraw oġġetti għaljin.
It-tabelli ta’ hawn taħt juru ċ-ċifri taċ-ċirkolazzjoni tas-seba’ denominazzjonijiet tal-karti tal-flus. Sa tmiem l-2010, kien hemm madwar 6 biljun karta tal-flus tal-€50 fiċ-ċirkolazzjoni. Il-karta ta’ €50 kellha sehem ta’ kważi 40% mill-karti tal-flus kollha fiċ-ċirkolazzjoni u ta’ terz tal-valur totali tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni. Il-karti tal-€500, b’valur globali ta’ €288 biljun fiċ-ċirkolazzjoni, ammontaw bejn wieħed u ieħor għal terz tal-valur totali tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni.
Il-karti tal-flus tal-euro ma jintużawx biss minn dawk li joqogħdu fiż-żona tal-euro. L-euro huwa munita internazzjonali, u għalhekk xi karti tal-flus tal-euro jispiċċaw u jibqgħu barra ż-żona.
Skond l-aħħar statistika, hu kkalkulat li, f’termini ta’ valur, bejn 20% u 25% tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jinsabu għand persuni li joqogħdu barra ż-żona tal-euro. Id-domanda għall-karti tal-flus tal-euro barra ż-żona żdiedet f’daqqa meta żdied it-taqlib finanzjarju f’Ottubru 2008. Id-domanda żdiedet b’mod evidenti fil-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa li mhumiex fl-UE, fejn kien hemm deprezzament tal-muniti nazzjonali kontra l-euro. Dawn il-karti tal-flus tal-euro għadhom fiċ-ċirkolazzjoni, u dan juri li għadhom f’idejn residenti barra ż-żona tal-euro.
Il-karti tal-flus jgħaddu minn mogħdija partikolari fl-ekonomija. Il-banek kummerċjali jordnawhom mingħand il-banek ċentrali u mbagħad joħorġuhom permezz tal-kaxxiera awtomatiċi. In-nies jonfquhom fil-ħwienet, fis-swieq u f’postijiet oħrajn u l-karti tal-flus imbagħad jiġu depożitati mill-bejjiegħa u persuni oħrajn fil-banek tagħhom. Il-banek imbagħad jibagħtuhom lura lill-bank ċentrali rispettiv tagħhom, li jiċċekkjahom għall-awtentiċità u jara jekk ikunux tajbin għaċ-ċirkolazzjoni.
L-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista tal-flus kontanti tvarja minn pajjiż għall-ieħor u tiddependi minn, pereżempju
Għal dawn ir-raġunijiet, ma jistax ikun hemm mudell wieħed li jgħodd għal kulħadd biex jiġu organizzati ċ-ċikli nazzjonali tal-flus kontanti fiż-żona tal-euro.
Minkejja dawn id-differenzi, l-Eurosistema tibqa' tisħaq fuq aktar konverġenza fis-servizzi tal-flus kontanti offruti mill-banek ċentrali taż-żona tal-euro. Qegħdin jiġu kkonsultati l-partijiet interessati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Jekk ikun hemm aktar armonizzazzjoni u integrazzjoni, il-partijiet interessati jkunu jistgħu jiksbu aktar benefiċċji mill-munita unika.
Il-karti tal-flus iridu jkunu ġenwini u ta’ kwalità tajba ħafna biex in-nies ikollhom fiduċja fihom. Għalhekk, il-banek ċentrali taż-żona tal-euro jiċċekkjaw il-karti tal-flus biex jiżguraw li jkunu awtentiċi u li ma jkunux mgħarrqin jew maħmuġin wisq qabel joħorġuhom.
Il-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) għandhom magni awtomatiċi li jipproċessaw il-karti tal-flus u li jiċċekkjawhom meta jirċevuhom. Dawn il-magni jagħżlu l-karti biex jinżammu standards għoljin ta’ kwalità. Fl-2010, il-BĊN ikklassifikaw madwar 5.8 biljun karta tal-flus bħala mhux tajbin għaċ-ċirkolazzjoni u biddluhom. Il-karti tal-flus maħmuġin jew mgħarrqin jinqerdu.